Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Ingilterra l-avversarji ta’ Franza fil-kwarti tal-finali wara rebħa komda fuq is-Senegal

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra ser jaffrontaw lil Franza fil-kwarti tal-finali wara li ħarġu rebbieħa kontra s-Senegal bl-iskor ta’ 3-0, b’ Phil Foden protagonist b’ żewġ assists.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet mis-Senegal meta Ismaila Sarr sab ruħu quddiem Jordan Pickford iżda l-attakkant ta’ Watford spara barra.

Is-Senegal komplew jattakkaw u kellhom l-ewwel xutt lejn il-lasta wara 32 minuta logħob, minn Boudaye Dia li prova jegħleb lil Pickford minn pass ta’ Ndiaye iżda l-goalkeeper ta’ Everton salva tajjeb.

L-Ingilterra marru fil-vantaġġ wara 38 minuta permezz ta’ Jordan Henderson li sab ix-xibka minn kross baxx u preċiż ta’ Jude Bellinghem. L-Ingilterra rnexxielhom jirduppjaw l-iskor qabel it-tmiem tal-ewwel taqsima meta Harry Kane għeleb lil Mendy b’xutt b’saħħtu minn pass ta’ Phil Foden.

L-Ingliżi reġgħu ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima, l-ewwel azzjoni perikoluża waslet fil-57 minuta minn Harry Kane meta ittanta xortih mill-bogħod, madankollu Mendy laqa’ tajjeb. L-Ingliżi skurjaw it-tielet gowl ftit minuti wara meta Bukayo Saka xeħet ġewwa minn kross ta’ Phil Foden.

Il-gowl ta’ Saka kienet l-aħħar azzjoni ta’ nota għaż-żewġ skwadri hekk kif l-Ingliżi ser ikomplu l-avventura tagħhom fit-Tazza tad-Dinja kontra t-tim immexxi minn Didier Deschamps, Franza.