Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

L-Ingilterra u Franza l-favoriti li jagħmluha mal-aħħar tmienja

(Ritratt: EPA)

ROUND TAL-AĦĦAR 16

16:00 – FRANZA V POLONJA

Fl-Al Thumama Stadium, f’partita oħra mill-fażi tal-aħħar sittax, ir-rebbieħa ta’ Grupp D, Franza se jiltaqgħu kontra t-tim tat-tieni post fi Grupp Ċ, il-Polonja. Iż-żewġ timijiet temmew il-fażi tal-gruppi b’telfiet, bi Franza jkunu megħluba mit-Tuneżija filwaqt li l-Polonja tilfu kontra l-Arġentina. Iċ-champions attwali Franza saru l-ewwel tim li għamilha mal-aħħar sittax, bil-kowċ Deshcamps jagħżel li jserraħ plejers importanti bħal Kylian Mbappe, Antoine Griezmann kif ukoll Ousmane Dembele fit-telfa kontra t-Tuneżija.

Min-naħa l-oħra l-Polonja kellhom storja xi ftit differenti kontra l-Arġentina, fejn għandhom għaliex jirringrazzjaw lill-goalkeeper Wojciech Szczesny li salva l-penalty kontroversjali, mogħti minn Lionel Messi. Szczesny, b’hekk sar l-ewwel goalkeeper li salva żewġ penalties fl-istess edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Permezz ta’ dan is-save, il-Polonja rnexxielhom jagħmluha mal-aħħar sittax bid-differenza tal-gowls, fuq il-Messiku. Minkejja li fil-fażi tal-aħħar sittax ftit li xejn jista’ jkun hemm favoriti, il-Franċiżi ilhom aktar minn 40 sena ma jitilfu kontra l-Pollakki, fejn kienu eliminawhom mit-Tazza tad-Dinja tal-1982. F’din il-partita, l-attakkant Olivier Giroud jista’ jsir ukoll l-aqwa skorer ta’ kull żmien għat-tim nazzjonali Franċiż, wara li fl-ewwel partita kontra l-Awstralja, laħaq lill-attakkant leġġendarju Thierry Henry, b’51 gowl għat-tim Franċiż.

20:00 – INGILTERRA V SENEGAL

Fl-Al Bayt Stadium, ir-rebbieħa ta’ Grupp B l-Ingilterra se jaffrontaw lit-tim li temm fit-tieni post fi Grupp A, is-Senegal. Wara r-rebħa konvinċenti kontra Wales bl-iskor ta’ 3-0, reġa’ nħoloq l-entużjażmu fost il-partitarji Ingliżi li qed jittammaw li jagħmluha sal-aħħar stadji ta’ din il-kompetizzjoni, bil-għan li finalment jirbħu t-Tazza tad-Dinja wara 56 sena. Min-naħa l-oħra ċ-champions tal-Afrika urew is-superjorita’ fiżika tagħhom fil-partita tagħhom matul din l-edizzjoni, fejn minkejja li jinsabu mingħajr l-aqwa plejer tagħhom, Sadio Mane, plejer oħra qamu għall-okkażjonijiet u wasslu lit-tim sal-fażi tal-aħħar sittax. L-Ingilterra ilhom 20 partita ma jitilfu kontra tim Afrikan, fejn huma l-favoriti li jagħmliha mal-aħħar tmienja. Is-Senegal qed jittammaw li jirripettu s-suċċess li kellhom fl-2002 meta waslu sal-kwarti finali, fejn jistgħu possibilment jiltaqgħu kontra Franza, f’repetizzjoni tal-partita mill-edizzjoni tal-Korea t’Isfel.

L-attakkant u captain tal-Portugall Cristiano Ronaldo kien inkluż fil-lista tal-agħar plejers sa issa fit-Tazza tad-Dinja tal-Qatar, skond statistika miġbura mis-sit popolari SofaScore. Ronaldo sab ix-xibka darba f’din l-edizzjoni mill-ħdax-il metru, u kien ineżisten fil-maġġor parti tal-ħin tal-partiti li lagħbu l-Portugall. F’din il-lista hemm ukoll fost l-oħrajn il-goalkeeper tal-Qatar Meshaal Barsham, li daħal bħala sostitu fl-ewwel partita kontra l-Ekwador. Magħħhom jingħaqdu wkoll Francisco Calvo u Oscar Duarte, difensuri ċentrali tal-Costa Rica, li kienu parti mit-tim li sofra seba’ gowls fil-partita kontra Spanja. L-Awstraljan Mathew Leckie ukoll kienu inkluż ma’ din il-listra minkejja l-kwalifikazzjoni tat-tim.