Internazzjonali

L-Iran: ‘Qegħdin ixolju’ lill-pulizija għall-ħarsien tal-moralità

L-aġenziji tal-pulizija li jridu jinfurzaw il-kodiċi tal-ilbies skont it-twemmin Iżlamiku issa spiċċaw xolti — dejjem skont l-aħħar dikjarazzjoni tal-Avukat-Ġenerali tal-Iran, Mohammad Jafar Montazeri.

Filwaqt li numru ta’ sorsi fl-Iran baqgħu ma kkonfermawx din l-istqarrija, it-tmiem tal-hekk-imsejħa ‘Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità’ qed jidher bħala żvilupp sinifikanti fi żmien ta’ protesti kbar popolari fil-pajjiż.

Id-dimostrazzjonijiet attwali kontra r-reġim Iżlamiku f’Tehran immexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei ilhom għaddejjin għal xhur wara li mara Iranjana, Mahsa Amini, tilfet ħajjitha ftit wara li hi spiċċat arrestata mill-Pulizija għall-Ħarsien tal-Moralità. Ingħad li l-pulizija żammewha talli hi, allegatament, kienet kisret ir-regoli stretti dwar l-ilbies tal-hijab (li kellha tgħattilha rasha).

Intant, u waqt li Montazeri qal li ‘qed jingħalqu’ l-aġenziji tal-pulizija inkwistjoni, huwa l-Ministeru Iranjan għall-Intern li jikkontrolla lil dawn il-pulizija partikulari u mhux il-Ġudikatura.

Madankollu, Montazeri anki informa lill-Parlament fl-Iran li għandha tkun evalwata mill-ġdid il-liġi li tirrikjedi biex in-nisa Iranjani jilbsu bil-fors il-hijab kulmeta jkunu f’post pubbliku.