Lokali

“Nuqqas ta’ ċarezza fl-emenda li qed tqajjem dubji kbar” – Marie Louise Coleiro Preca

“X’inhi l-intenzjoni tal-leġiżlatur, għaliex ma jserraħx rasna lkoll u jemenda din il-liġi jekk din mhux se tkun qed iddaħħal l-abort?”

“Għalhekk in-nuqqas ta’ ċarezza jkompli jħassibni u jinkwetani. Ninsabu hawn għax bħalkom, nixtiequ li l-Gvern jemenda l-appoġġ tal-liġi biex ikollna moħħna mistrieħ li ma tintilef l-ebda ħajja, la tal-omm u l-anqas tat-tarbija meta m’hemmx periklu fil-ħajja tal-omm”

Dan hu dak li qalet il-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca f’diskors li wasslet matul mixja nazzjonali li saret fil-Belt Valleta bit-tema Int Tista’ Ssalvani li għaliha attendew eluf ta’ persuni.

Marie Louise Coleiro Preca qalet li din il-mixja hija xempju tal-għaqda nazzjonali fejn appellat biex f’pajjiżna ma ndaħħlu ebda kulur politiku għax il-valur tal-ħajja huwa suprem.

“Għalina l-ħajja m’għandhiex kulur politiku, lanqas dimensjoni ta’ xi fidi jew reliġjon partikolari”

Il-President Emeritus qalet li f’dan ir-rigward mhux qed nitkellmu fuq xi oġġetti iżda qed nitkellmu fuq il-ħajja tarbija bla vuċi. Hija appellat ukoll li jeħtieġ li  jkun hemm diskussjoni mibnija fuq l-etika u li tkun waħda rispettuża.

“Hawn mhux nitkellmu fuq ideoloġija politika, hawn mhux nitkellmu fuq oġġetti, qed nitkellmu fuq il-ħajja tal-omm u t-tarbija”

Marie Louise Coleiro Preca qalet li jeħtieġ li f’pajjiżna jkun hawn kampanji ta’ edukazzjoni, u ta’ informazzjoni li jagħtu l-għajnuna. Hija qalet li f’pajjiżna sar investment kbir fis-settur tas-saħħa, minn Gvernijiet differenti, hekk kif rajna kif ilu ma jkun hemm mewta ta’ omm matul it-twelid fis-snin ri     ċenti. Iżda dwar dan, jeħtieġ li jsir aktar, bit-tarbija fil-ġuf u l-omm dejjem ikunu mħarsa.

“Minkejja l-ħafna dikjarazzjonijiet li saru qed isiru favur il-ħajja, din l-emenda kif inhi ma sserħilniex moħħna li mhux dieħel l-abort f’Malta”

Marie Louise Coleiro Preca appellat lill-Gvern biex jiltaqa’ mal-esperti, l-ispeċjalisti u l-akkademiċi fost l-oħrajn  li ssottomettew position paper għal diskussjoni matura dwar din il-kwistjoni… pożizzjoni biex l-abort ma jidħolx f’pajjiżna.

“Qed niftħu l-bieb biex tinqatel it-tarbija, hawn nistaqsi, jekk mhux din hija l-intensjoni tal-leġiżlatur, għax ma serħuniex rasna?”