Futbol Internazzjonali

Cody Gakpo viċin li jingħaqad ma’ Manchester United

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom mill-Ingilterra u l-Olanda qegħdin jgħidu li Manchester United laħqu ftehim għat-trasferiment ta’ Cody Gakpo. Il-player ta’ 23 sena skurja f’kull logħba mit-tliet partiti ta’ Grupp A li l-Olanda lgħabu fit-Tazza tad-Dinja s’issa, żieda mat-13-il gowl li skurja għal PSV diġà dan l-istaġun wara li kellu ukoll 17-il assist.

Il-United qed ifittxu attakkant ġdid wara t-tluq ta’ Cristiano Ronaldo. Anthony Martial u Marcus Rashford huma l-uniċi żewġ plejers rikonoxxuti bħala li jistgħu joperaw bħala attakkant ewlieni, b’tal-ewwel għal parti kbira ta’ dan l-istaġun kien mifni b’injury filwaqt li l-ebda wieħed mit-tmien gowls ta’ Rashford ma seħħ meta lgħab bħala attakkant pur.

Il-United tkellmu ma’ Gakpo dwar mossa potenzjali matul is-sajf li għadda qabel ma Erik ten Hag għażel li jħallas £85 miljun għal Antony. Il-plejer ammetta li kienet “tal-mistħija” li t-traseriment għal mal-United ma rnexxiex, iżda dan ma ħalliehx impatt fuq il-forma tiegħu dan l-istaġun

Minn dakinhar il-United għadhom isegwu ħafna lil Gakpo li jinsab fil-forma bl-ispekulazzjoni dejjem tiżdied wara t-tluq ta’ Ronaldo. Issa, l-media Ingliża u Olandiża qed isostnu li United laħqu ftehim fil-prinċipju għall-attakkant, li jista’ jopera jew bħala winger jew attakkant ċentrali. Madankollu, qed jingħad ukoll li r-Red Devils għad baqalu x-xogħol x’ jagħmel biex jikkonvinċi lil PSV iħalluh jitlaq sa minn kmieni sa Jannar li ġej.