Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Diffiċli iżda mhux impossibbli għall-Ġappun u l-Korea t’Isfel

(Ritratt: EPA)

ROUND TAL-AĦĦAR 16

16:00 – ĠAPPUN V KROAZJA

Fl-Al Wakrah Stadium, Il-Ġappun se jipprovaw ikomplu fejn ħallew fil-gruppi hekk kif kontra kull mistenni temmew fl-ewwel post fi Grupp E li kien jikkonsisti minn żewġ ġganti tal-futbol internazzjonali, Spanja u l-Ġermanja. Din hija biss ir-raba’ darba li l-Ġappuniżi ser jikkompetu fil-fażi ta’ l-aħħar sittax fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja.

Il-finalisti tal-ediżjoni l-oħra, temmew fit-tieni post f’grupp ieħor mimli sorpriżi u qed jittamaw li jwaqfu l-forma pożittiva tal-avversarji u jagħmluha għall-kwarti finali. Il-Kroazja, li għadhom ma tilfux partita f’din l-edizjoni, kisbu draw prestiġjuz fl-aħħar partita tagħhom fil-grupp kontra l-Belġju, li jinsab fit-tielet post fir-rankings tal-FIFA.

20:00 – BRAŻIL V KOREA T’ISFEL

Ir-rebħa mpressjonanti kontra l-Portugall tefgħet lill-Korea t’Isfel mal-aħħar sittax għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. Il-Korea t’Isfel bla dubju għandhom għadma iebsa biex jegħlbu lill-Brażiljani, madankollu l-Brażiljani għadhom ma mpressjonawx għall-kollox u dehru bagħtuti fl-aħħar logħba tal-grupp fejn sofrew telfa meritata kontra l-Kamerun.

Il-Brażil se jkunu ukoll nieqsin minn Gabriel Jesus u Alex Telles li tilfu l-kumplament tat-turnament filwaqt li għadu f’dubju r-ritorn ta’ Neymar.

Dan se jkun is-seba’ konfront bejn iż-żewġ nazzjonijiet, bil-Brażil ħarġu rebbieħa 6 darbiet, filwaqt li l-Korea t’Isfel ħarġu rebbieħa darba f’logħba ta’ ħbiberija fl-1999.