Brażil v Korea t’Isfel 4-1
Il-Brażil kisbu rebħa dominanti ta’ 4-1 fuq il-Korea t’Isfel biex għamluha għall-kwarti finali tat-Tazza tad-Dinja fejn se jiltaqgħu kontra l-Kroazja. L-ewwel taqsima wittiet it-triq għad-dominju tas-Selecao bil-Koreani jsibuha diffiċli biex iżommu mal-kwalita’ tal-plejers Brażiljani.
Bidu mill-aqwa għall-Brażil hekk kif fis-seba’ minuti fetħu l-iskor, meta Raphinha għadda tajjeb, sab lil Vinicius Jr li bil-kalma kollha xeħet fl-anglu tax-xibka għal 1-0.
Ħames minuti wara il-Brażil ingħataw penalty meta Richarlison deher jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Woo-Young Jung, biex mill-ħdax-il metru Neymar ma żbaljax għall-ewwel gowl tiegħu f’din l-edizzjoni u s-seba’ wieħed fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Fis-16-il minuta reazzjoni mill-Korea hekk kif ix-xutt ta’ Hee-Chan Hwang mid-distanza kien mdawwar f’corner b’diffikulta’ minn Alisson Becker.
Fid-29 minuta jasal it-tielet gowl għal Brażil, meta wara azzjoni maħduma tajjeb Casemiro sab lil Richarlison li mill-viċin xeħet fix-xibka għal 3-0.
Il-Brażil għamluhom erba’ fis-36 minuta meta Neymar għadda lejn Vinicius, li bil-cross tiegħu żmarka lil Lucas Paqueta li b’volley ikkonkluda fix-xibka. Fit-tieni taqsim l-Brażil naqqsu xi ftit ir-ritmu bil-Korea jnaqqsu l-iskor fis-76 minuta b’xutt mid-distanza ta’ Seung-Ho Paik li ma ta l-ebda ċans lil Alisson isalva.
//= $special ?>