Futbol Sport

Hibernians jitilgħu fit-tieni post u Ħamrun iżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Gowl stupend skurjat minn Ali Diakite kien biżżejjed sabiex Hibernians kisbu rebħa kontra Sirens li poġġiethom fit-tieni post tal-klassifika. It-tim immexxi minn Andrea Pisanu ddomnina l-partita għal ħinijiet twal minkejja li l-okkażjonijiet fuq il-lasti kienu minimi. Iżda l-importanti huma t-tlett punti u dak huwa li kisbu l-Pawlisti minn din il-partita kontra avversarju diffiċli. Bid-distakk mill-ewwel post pjuttost kbir, l-attenzjoni ta’ Hibernians issa ddur lejn il-partita ta’ nhar il-Ħamis li ġej kontra Floriana, il-finali tas-Super Cup. Mill-banda l-oħra minkejja t-telfa t-tim minn San Pawl il-Baħar kien kompetittiv iżda jibqgħu ftit il-fuq miż-żona relegazzjoni. 

Wara t-telfa xejn mistennija kontra Żebbuġ Rangers, Ħamrun Spartans irritornaw għar-rebħ hekk kif huma għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 2-0.  B’din ir-rebħa huma għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti fuq it-tieni tim klassifikat, iċ-Champions renjanti Hibernians. Għas-Saints kienet telfa oħra ta’ rutina li tħallihom fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika. Żewġ bidliet minn Nisevic filwaqt li Potenza wettaq bidla waħda. Ovvjament id-differenza bejn it-timijiet kienet ċara bil-gowlkeeper ta’ Santa Lucia Calleja Cremona jkollu partita tajba ħafna fejn ċaħħad lill-avversarji mill-jiksbu rebħa akbar. Meta ninsabu ġurnata biss il-bogħod minn tmiem l-ewwel round il-vantaġġ ta’ Ħamrun huwa b’saħħtu u dan jista possibilment iwassal biex l-interess fin-naħa ta’fuq tal-klassifika jonqos.

Id-difiża ta’ Santa Lucia tipprova ttajjar il-periklu f’wieħed mill-attakki ta’ Ħamrun (Joseph Galea)

Gżira United sofrew it-tieni telfa tagħhom tal-istaġun dan wara li huma sfaw vittmi ta’ Balzan. Kienet partita importanti għaż-żewġ timijiet, il-Maroons sabiex ikomplu jsegwu lil Ħamrun Spartans fin-naħa ta’ fuq tal-klassfika filwaqt li għal Balzan biex ikomplu telgħin aktar il-fuq konxji mill-fatt li kienu ilhom xahrejn mingħajr rebħa. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal fl-ewwel taqsima minn Zlatkovic. Bil-punti miksuba t-tim immexxi minn Oliver Spiteri issa jinsab fis-seba’ post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier.  Mill-banda l-oħra pass falz minn Gżira li wieħed kienet qed jaspira f’riżultat pożittiv lejlet il-logħba ta’ ħbiberija kontra l-ġġanti Taljani ta’ Inter.

Birkirkara rritornaw għar-rebħ wara serje mhux daqstant pożittiva biex b’dawn it-tlett punti huma issa jinsabu fit-tielet post tal-klassifika. Kienet rebħa kbira mill-Karkariżi kontra Pieta Hotspurs bl-iskor ta’ 5-1.  Minkejja n-nuqqas ta’ Pepe u Coppola xorta waħda l-Istripes kienu wisq għall-avversarji li skurjaw żewġ gowls fl-ewwel taqsima u tlieta oħra fit-tieni ħamsa u erbgħin minuta.  Anki Pieta wettqu numru ta’ bidliet mill-aħħar partita tagħhom iżda xorta waħda ftit dehret xi differenza. B’din it-telfa kbira Pieta ħadu daqqa oħra l-isfel fit-tamiet tagħhom li jkunu aktar kompetittivi matul dan il-kampjonat fejn id-destinazzjoni tagħhom tidher prattikament ċerta.

Simon Zibo ta’ Birkirkirkara jipprova jgħaddi minn bejn żewġ plejers ta’ Pietà (Catriel Farrugia)

Minkejja li spiċċaw jilgħabu b’disa’ players M’Xlokk xorta ħadu punt mil-logħba tagħhom kontra Floriana. Il-Greens kienu ġejjin minn serje ta’ rebħiet iżda naqsu li jkomplu jibnu fuq dawn. Huma kellhom iċ-ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ  iżda fallew penalty biex anki wara li tkeċċilhom it-tieni player Marsaxlokk komplew iżommu sod biex fiċ-ċirkostanzi jistgħu jikkunsidraw dan il-punt aktar milli mistħoqq. Fil-fatt ix-Xlukkajri qed ikomplu jikkonfermaw li t-tim li armaw qed jagħti l-frott mixtieq. U għal darb’oħra kien Kristian Keqi, inċidentalment l-ex player ta’ Floriana, li poġġa lil M’Xlokk fil-vantaġġ. Iżda anki l-gowlkeeper Drobnjak kien ċert minn dak kollu li kien qed jagħmel biex mexxa lit-tim tiegħu għal punt ieħor fit-tentattiv li jkomplu telgħin aktar il-fuq fil-klassifika.

Wara r-rebħa kontra Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 4-2, wieħed stenna xi ħaġa aktar minn Żebbuġ Rangers. Iżda r-realta hi li għal darb’oħra spiċċaw fuq in-naħa telliefa din id-darba kontra Mosta. Dawn tal-aħħar kienu ġejjin minn rebħa kontra Balzan fl-aħħar logħba qabel il-waqfa internazzjonali biex b’hekk komplew bl-istaġun pożittiv tagħhom. Mosta issa għandhom għoxrin punt u jinsabu fil-ħames post tal-klassifka flimkien ma’ Gudja United. Għal Żebbuġ jidher li ser ikun staġun twil bil-ħajja fil-Kampjonat Premier tidher li hija waħda ferm differenti minn dik li kienu mdorrijin għal snin twal.

Gowl skurjat kmieni fil-partita minn Andre Prates ta rebħa lil Gudja fuq Valletta. Dan ir-riżultat fisser li Gudja rritornaw għar-rebħ wara diversi ġimgħat, filwaqt li Valletta kellhom ibaxxu rashom fil-mument li bdew ġejjin ir-riżultati pożittivi. Rebħa li tpoġġi lil Gudja fil-ħames post tal-klassifika. Mill-banda l-oħra Valletta jibqgħu fid-disa’ post. Kulħadd stenna aktar mill-Beltin bir-reazzjoni tagħhom għall-gowl li sofrew kmieni fil-partita tkun waħda fjakka ħafna. Kien biss lejn l-aħħar parti tal-ewwel taqsima li kienu aktar offensivi iżda qatt ta’ periklu kbir għad-difiża ta’ Gudja.  Din kienet l-ewwel dehra ta’ Thane Micallef kontra l-ex tim tiegħu li sfortunatament għalih r-riżultat f’waħda negattiva.

Il-goalkeeper ta’ Gudja Glenn Zammit itajjar il-periklu kontra Valletta (Catriel Farrugia)