Internazzjonali

Il-Belġju: Jibda l-ġuri relatat mat-terrur storiku tal-2016

Fi Brussell, bħalissa, qed isir l-akbar guri fl-istorja tal-pajjiż u li fih qed ikunu proċessati għaxar persuni li jinsabu akkuzati dwar l-attaki terroristici storiċi tal-2016.

L-għaxra qed ikunu akkużati bħala membru ta’ entità terroristika li wettqet l-agħar atroċità fil-Belġju fi żmenijiet ta’ paċi….Terrur li kien heżżeż lill-kapitali, matul il-ħin tar-rush hour u li kien ħalla 32 mejtin minbarra ‘il fuq minn 250 midruba.

Il-miri speċifiċi għal dan l-attakk infami kienu l-ajruport u ta’ Brussell u s-sistema tal-metro tal-kapitali Belġjana, bl-akkużi mressqa jinvolvu ‘għajnuna bl-armi u bil-loġistika lit-terroristi involuti’.

Fil-bidu tal-ġuri, l-Imħallef Laurence Massart indirizzat lil dawk preżenti fl-awla – mhux biss id-difiza, iżda anke l-avukati li qed jirrappreżentaw lil madwar 1,000 persuna li ġew affettwati b’xi mod jew ieħor mill-attakki mdemmija ta’ sitt snin ilu.

Fost l-akkużati hemm Salah Abdeslam li kien involut ukoll fl-attakk terroristiċi storiċi ta’l-2015 f’Parigi u li anki kienu ħallew għexieren ta’ mejtin u midruba. Sadanittant, għaddejjin ukoll proceduri tal-qorti kontra Mohamed Abrini li huwa l-persuna li allegatament ħalla l-isplussiv fl-ajruport ta’ Brussell.