Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jirrispetta l-mandat elettorali li għandu u ma jdaħħalx l-abort

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callys qal li l-Gvern għandu jirrispetta l-mandat elettorali li għandu u ma jdaħħalx l-abort.

F’messaġġ minħabba li bħalissa jinsab imsiefer għal xi żmien barra minn Malta u għaldaqstant mhux possibli fiżikament jitkellem waqt id-dibattitu li jitratta l-abbozz imressaq mill-Gvern sabiex idaħħal l-abort f’pajjiżna Ryan Callus qal madankollu, xorta waħda jistqarr li dan l-abbozz m’għandux jiġi approvat mill-Parlament.

Hu fakkar li l-ebda partit politiku rappreżentat fil-Parlament m’għandu mandat mill-poplu Malti u Għawdxi biex idaħħal l-abort f’pajjiżna. Ipparteċipajt fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari meta ġie diskuss dan l-abbozz, fejn deherilna li l-abbozz kif propost ifisser l-introduzzjoni tal-abort f’Malta. Filwaqt li naqbel li għandna nsalvaw l-mara tqila meta din tkun f’periklu li titlef ħajjitha, l-abbozz kif propost jmur ħafna lill’hinn minn hekk. Insellem lill-akkademiċi u l-għaqdiet tas-soċjeta’ ċivili li ressqu ‘l quddiem sabiex tkellmu favur il-protezzjoni tal-ħajja. Nappella lil kull Malti li jemmen fil-ħajja biex isemma’ leħnu, sostna Ryan Callus.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dan hu l-mument li nitkellmu għal min mgħandux vuċi. Nappella lill-Gvern sabiex jirrispetta l-parametri tal-mandat elettorali li għandu, u sabiex ipoġġi l-protezzjoni tal-ħajja qabel kull intenzjoni oħra. Li għandu bżonn pajjiżna huwa ċertezza legali u protezzjoni għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’każ meta jkun meħtieġ intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm li tkun tinsab f’periklu ċar, sostna d-deputat Nazzjonalista li temm billi ddikjara li hu favur il-ħajja.