Internazzjonali

Il-Kolombja: Sinjali ta’ progress fit-taħditiet tal-Gvern mar-ribelli

Il-Koombja: Progress fit-taħditiet mar-ribelli

Il-President tal-Kolombja, Gustavo Petro, qal li t-taħditiet għall-paċi bejn il-Gvern u r-ribelli tal-grupp ELN laħqu l-ewwel fażi ta’ ftehim li jinvolvi r-ritorn tan-nies indiġeni – refuġjati tal-gwerra – lejn l-artijiet tagħhom, fil-provinċja ta’ Antioquia.

Il-‘garanzija’ li dawn in-nies għandhom jirritornaw lura d-dar qawwijin u sħaħ hi ferm sinifikanti wara konflitt ċivili fil-Kolombja li ilu għal kważi 60 sena. L-ELN – jew l-Armata għal-Liberazzjoni Nazzjonali – hu l-aħħar grupp ta’ ribelli li għadu attiv f’din il-gwerra u meta għad ma ntlaħaq l-ebda ftehim mal-Gvern għal waqfien mill-ġlied.

Madankollu, it-taħditiet bejn ir-ribelli u l-Gvern ta’ Petro reġgħu bdew wara akar minn tliet snin. Petro hu l-ewwel President Kolombjan li jħaddan politika tax-xellug u kien ukoll eks-gwerrillier mal-grupp tar-ribelli M-19. Fl-istess ħin, il-President qed iwiegħed li jwassal għal ‘paċi totali’ fil-Kolombja.

It-taħditiet għall-paċi li qed isiru f’Caracas, il-kapitali tal-Veneżwela, għandhom importanza storika għall-Kolombja, fost it-tamiet li l-gwerra ċivili kapaċi qed tersaq lejn it-tmiem wara daqstant snin ta’ dmija.

Minbarra l-Veneżwela, in-Norveġja u Kuba wkoll qablu li jaġixxu bħala ko-sponsors tal-proċess għall-paċi fil-Kolombja.