Lokali Parlament

Il-PN jinsisti li l-gvern iħallas lura s-serq kollu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-poplu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li l-Gvern għandu jħallas lura s-serq konermat kollu fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-poplu.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ id-dibattitu parlamentari fis-seduta parlamentari li fiha l-parlament iddiskuta mozzjoni tal-Oppożizzjoni li qed tinsisti li l-gvern iħallas lura lill-poplu Malti l-ammont kollu li l-poplu Malti nsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN jerġa’ jinsab quddiem il-poplu Malti, fil-parlament, biex jiddefendi l-interessi tal-poplu Malti u jappella lill-gvern iwettaq ġustizzja mal-poplu.

Hu qal li din hi mozzjoni li biha qed ninsistu li l-poplu Malti jingħata lura dak li kien ilu jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma sa minn meta kien elett fil-gvern ftit wara l-2013.

L-enerġija kienet waħda, jekk mhux l-ikbar, wiegħda elettorali li għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.

Hu semma’ l-investimenti enormi li għamel gvern Nazzjonalista fit-tmeninijiet meta l-pajjiż kellu kriżi fl-enerġija. Gvern Nazzjonalista bena power station li kienet element kruċjali biex lejn il-pajjiż attirajna l-aqwa investimenti. Tnaqqset ukoll u bil-kbir id-dipendenza fuq il-power station l-antika tal-Marsa.

Gvern Nazzjonalista kompla jinvesti f’dan is-settur billi investa fl-interconnector ma’ Sqallija. Interconnector li ta lill-pajjiż l-irħas rati ta’ enerġija. Id-deċiżjoni li l-pajjiż jinvesti fit-tieni interconnector hi waħda li tikkonferma kemm kienet tajba u korretta l-vizjoni li kellu l-gvern Nazzjonalista f’dan is-settur.

Il-PL kien jgħid li kellu pjan biex jibni power station ġdida u permezz tagħha jraħħsu l-kontijiet u permezz tagħha jsolvu l-problemi kollha fl-enerġija.

Dan ftit wara l-perjodu li fih id-dinja kollha għaddiet mill-kriżi internazzjonali taż-żejt; li kkrollat u kissret l-ekonomiji internazzjonali. Rajna f’dik il-kriżi kbira, pajjiżi jikkrollaw finanzjarjarment. Quddiem din il-kriżi kienu biss żewġ ekonomiji li rnexxielhom jibqgħu għaddejjin; tal-Ġermanja u ta’ Malta.

Kieku ma sarx dan, bis-sagrifiċċji li kull kriżi ġġib magħha, kieku ma kienx jitkattar l-investiment barrani f’Malti. Quddiem din il-kriżi Malta baqgħet tattira lejha investiment ta’ kwalità u ma ċedietx għall-pressjoni li mmorru għall-ekonomija tal-kwantità iżda baqgħet tagħti għajnuna diretta u personalizzata lill-kumpaniji, lin-negozji Maltin u Għawdxin biex dawn komplew jikbru u komplew jimpjegaw lin-nies u żammejna l-ekonomija stabbli.

Bernard Grech sostna li minn wara dahar kulħadd il-PN beda jippjana dan il-proġett. Proġett li sejħulu proġett ta’ enerġija nadifa meta fil-fatt spiċċa wieħed mill-iktar proġetti maħmuġin fl-istorja ta’ korruzzjoni ta’ dan il-gvern Laburista. Lill-poplu Malti, l-Partit Laburista ma qallux li sa minn meta kien fl-Oppożizzjoni kien qed jippjana din il-power station, magħrufa bħala tal-Electrogas, biex fil-verità tkun l-aktar power station li ġġenerat korruzzjoni fil-pajjiż.

Din hi l-power station li fiha l-Gvern Laburista tefa’ l-enerġija tiegħu biex tiġġenera l-korruzzjoni, sostna l-kap tal-Oppożizzjoni li kompla li, biex jiġġeneraw il-flus għal 17 Black – il-kumpanija sigrieta ta’ Yorgen Fenech, illum akkużat fil-Qorti bl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, liema kumpanija kellha tgħaddi mal-€5,000 kuljum lilhom u lil dawk qrib tagħhom.

Jiġġeneraw il-korruzzjoni; mhux biss bil-proġett tal-power station tal-korruzzjoni iżda jiġġeneraw il-korruzzjoni bil-windfarms tal-Montenegro. Għal skopijiet tagġhom, hekk kif kienu eletti fl-2013 waqqfu l-pjani konkreti tal-gvern Nazzjonalista biex ikollna l-windfarms fuq il-baħar. Gvern Nazzjonalista kien anki wettaq l-istudji biex identifika l-post.

Il-Gvern Laburista waqqaf l-pjani u minflok wettqu l-progett ta’ windfarms f’Malta marru għal proġett ta’ windfarms fil-Montenegro. Minn dan il-progett l-Enemalta tilfet il-miljuni li kumbinazzjoni marru wkoll għand 17 Black.

Il-verità hi li permezz ta’ din il-power station, il-poplu Malti spiċċa jħallas il-miljuni fil-korruzzjoni.

Meta l-PN qalilhom li minkejja kollox, xorta kienu qed jisirqu lill-poplu l-miljuni mill-kontijiet, il-gvern Laburista baqa’ jiċhad sakemm kellhom jamettu li l-power station, bħall-isptarijiet, hi l-omm tal-korruzzjoni ta’ dan il-gvern. Il-Gvern Laburista spiċċa seraq ukoll lill-istess poplu mill-istess kontijiet tad-dawl u l-ilma. Serqa doppja!

Jgħidu x’jgħidu l-esponenti tal-gvern Laburista, il-kontijiet xorta għadhom għoljin, il-piżijiet xorta għadhom hemm, is-serq mill-gvern għadu hemm għaliex dan il-gvern sab metodu kif jinganna u jaħdem il-kontijiet b’mod li xorta jibqgħu għoljin iktar milli suppost huma. Dan sar għal snin sħaħ, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien raħas sa livell tant baxxi.

Wara li għal snin sħaħ il-Gvern Laburista baqa’ jinjora l-appelli tal-Oppożizzjoni u tal-poplu Malti biex ma jibqax jisraq il-kontijiet tad-dawl, il-PN ma kien fadallu l-ebda triq ħlief li jressaq din il-mozzjoni biex tagħmel gustizzja mal-poplu Malti.

Hu qal li l-istess Awditur Ġenerali għamel rapporti investigattivi dwar l-Electrogas u l-isptarijiet u li fihom ikkundanna lill-gvern Laburista għall-mod kif ħadem.

F’Novembru 2021 l-Awditur Ġenerali kkonkluda li l-poplu kien qed jinsteraq madwar €6.5 miljuni fis-sena; fuq disa’ snin jiġu serq ta’ kważi €60 miljun.

Il-Gvern Laburista kien wiegħed li sal-2019 kien se jindirizza dan il-ħlas zejjed li kien qed jagħmel il-poplu Malti iżda l-gvern Laburista baqa’ għaddej jisraq il-flus lill-poplu.

Il-PN, ferm qabel kien konfermat dan is-serq mill-Qorti, kien induna u ġab il-provi ta’ dan is-serq. Imma l-Gvern Laburista baqa’ jiċħad sakemm kien hemm żewġ ċittadini li ħassew li kellhom imorru l-qorti biex ikun dikjarat li hemm dan is-serq. F’Lulju li għadda, il-qorti ddeċidiet wara li rat il-provi li iva l-Gvern Laburista kien qed jisraq lill-poplu Malti fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Quddiem din id-deċizjoni tal-qorti, l-gvern ma kellux triq oħra għalkemm xorta appella flok ammetta s-serq li kien qed jagħmel u ra kif jirrifondi lura l-miljuni misruqa lill-poplu Malti. Il-gvern Laburista jirraġuna li l-ewwel jisraq lill-poplu Malti kemm irid hu imbagħad wara li jinstab ħati jdideciedi hu wkoll kemm iħallas lura.

Bernard Grech qal li l-gvren iddeċieda li jħallas mill-1 ta’ Jannar 2022; meta hu stabbilit li dawn il-kontijiet ilhom jinħadmu ħazin sa mill-2014. X’se jsir minnhom il-miljuni li nsterqu bejn l-2014 u l-2022? Min se jinżamm responsabbli ta’ dan is-serq konfermat u stabbilit?

Il-gvern ħabbar li se jieqaf jisraq u se jirrifondi lill-poplu dak li nsteraq f’din is-sena ftit wara li l-PN ħabbar li kien se jiftaħ kawza kontra l-istess Gvern għas-serq fil-kontijiet. Hemmhekk il-gvern irreaġixxa u ħareġ b’din it-taparsi soluzzjoni.

L-ingann jikber għax il-gvern kien ilu jaf li kien qed jisraq lill-poplu Malti u Għawdxi.

Il-PN qed jinsisti fuq dak li hu ġust; fuq dak li bid-dritt għandu jieħu lura l-poplu Malti; l-obbligu tal-gvern, issa li nqabad hu li jirrifondi l-ammont kollu. L-appell tal-PN f’isem il-poplu Malti hu biex jieqaf dan is-serq tal-kontijiet u biex il-gvern jirritorna lura dak kollu li seraq lill-poplu Malti, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-gvern għandu jivvota favur din il-mozzjoni biex il-miljuni li nsterqu lill-poplu Malti sa mill-2014 ikunu ritornati lura lill-poplu

Il-gvern obbligat jirrispetta lill-poplu Malti u ma jmurx kontra din il-mozzjoni li għandha skop wieħed biss… dak li l-poplu jieħu lura dak li hu tiegħu bi dritt. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li mhux biss dan is-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma jieqaf iżda li l-poplu jieħu dak li hu tiegħu… dak li hu tiegħu bi dritt… xejn iżjed xejn inqas, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.