Lokali

Il-PN jirrikonoxxi l-impenn tal-volontarjat għas-solidarjetà u l-għajnuna li jagħti

Illum, il-5 ta’ Diċembru, bħal kull sena qed ikun imfakkar il-Jum Internazzjonali tal-Voluntieri, bin-Nazzjonijiet Uniti tiċċelebra din is-sena bit-tema “Solidarjetà permezz tal-Volontarjat”.

Il-Kelliem għall-Volontarjat u l-Inklużjoni, Graziella Galea, f’isem il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-għaqdiet voluntiera u l-membri fi ħdanhom, li bla dubju, il-ħidma tagħhom qed tgħin lis-soċjetà Maltija f’bosta oqsma differenti.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar u jirringrazzja lil aktar minn 1,700 organizzazzjoni volontarja u lil eluf ta’ voluntieri li għandna f’Malta u Għawdex. Nisa u rġiel, żgħażagħ, adulti u anzjani jagħtu sehemhom b’tant imħabba u dedikazzjoni fuq livell lokali, nazzjonali u internazzjonali.

Filwaqt li jirrikonoxxi l-għajnuna li l-Istat jagħti lill-għaqdiet volontarji, il-Partit Nazzjonalista jfakkar fil-proposti li għamel għal dan is-settur għax jemmen li l-volontarjat jixraqlu rispett, appoġġ u dinjità.

Min-naħa l-oħra, l-għaqdiet volontarji spiċċaw tgħabbew b’bosta piżijiet burokratiċi. Il-kontroll u d-dixxiplina huma importanti, iżda dawn m’għandhomx ikunu esaġerati b’mod li jwasslu għall-qerda tal-għaqdiet volontarji. Minflok, l-organizzazzjonijiet volontarji għandhom jingħataw l-għajnuna kollha possibbli biex jibqgħu joperaw bl-aħjar mod u bl-aktar mod effettiv.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-volontarjat hu mezz importanti li permezz tiegħu tintwera solidarjetà u tingħata għajnuna lil bosta sezzjonijiet tal-popolazzjoni. Għaldaqstant, jikkommetti ruħu li jibqa’ jagħti l-appoġġ kollu possibbli lill-għaqdiet volontarji kollha biex dawn ikomplu jwettqu l-ġid fil-ħajja ta’ ħafna nies.