Illum il-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-Mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista biex ikunu emendati l-Avviżi Legali 243 u 244 tal-2022 ħalli kull min insteraq mis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun jista’ jieħu lura mhux biss il-flus li ħallas żejda fis-sena 2022, iżda anke dawk li ħallas żejjed fis-snin ta’ qabel.
Il-kontenut tal-Avviżi Legali jinforza dak li ilu jsostni l-Partit Nazzjonalista dwar kif għandu jinħadem il-“konsum kumulattiv annwali”. Iżda biex tassew issir ġustizzja, dawn l-Avviżi Legali jridu jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, is-sena li fiha l-konsumaturi bdew jirċievu l-kontijiet attwali kull xahrejn u mhux biss mill-1 ta’ Jannar 2022, kif jgħidu l-Avviżi Legali li ppubblika l-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-2018 li tkellem dwar dan is-serq u kkonfermah b’eżerċizzju wiesgħa li kien għamel. Il-Gvern innifsu kien irrikonoxxa u ammetta li dan qed jiġri, iżda ħallieh għaddej għal snin sħaħ. Dan kien ġie kkonfermat ukoll mill-Awditur Ġenerali u f’Lulju li għadda anke mill-Qorti.
Dan hu l-aħħar ċans li l-Gvern jiddeċiedi li jirritorna lura dan is-serq u ssir ġustizzja mal-konsumaturi kollha milquta mingħajr ma jkollhom għalfejn jirrikorru għall-Qrati.
F’każ li l-Gvern jibqa’ jwebbes rasu u l-Parlament jivvota kontra l-interess tal-poplu, il-Partit Nazzjonalista jibda l-proċeduri fil-Qrati għall-kawża kollettiva li nieda ftit tal-ġimgħat ilu.
Għaldaqstant, il-Partit Nzzjonalista jħeġġeġ lil dawk li għadhom ma rreġistrawx l-interess tagħhom biex jingħaqdu f’din il-kawża biex jagħmlu dan sal-Ġimgħa li ġej, 9 ta’ Diċembru, mis-sit elettroniku kontijiet.com jew billi jżuru d-Dar Ċentrali.
//= $special ?>