Internazzjonali

Ir-Russja: Żewġ mitjar militari milqutin minn splużjonijiet, bis-suspett qed jaqa’ fuq il-qawwiet Ukreni

Rapporti mir-Russja qalu li nqatlu numru ta’ nies fost splużjonijiet li laqtu żewġ mitjar li qed jintużaw mill-qawwiet ta’ Moska.  L-ebda entità, inkluża l-Ukrajna, ma assumiet responsabbiltà għall-attakki li d-dettalji tagħhom kienu qed jinżammu mistura mill-awtoritajiet Russi.

Skont ir-rapporti, qed jidher li mietu u ndarbu numru mhux determinat ta’ nies meta sploda tanker tal-fuel f’wieħed mill-mitjar viċin il-belt ta’ Ryazan — bit-tieni splużjoni fir-reġjun ta’ Seratov ukoll tirriżulta f’diversi vittmi.

Mhux magħruf x’seta’ ikkaġuna l-isplużjonijiet peress li z-zoni milqutin jinsabu mijiet ta’ kilometri ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Ukrajna.

Madankollu, l-osservaturi qalu li l-qawwiet Russi qed iżommu numru ta’ ajruplani militari ( bombers) għal fuq id-distanzi twal fil-bażi tal-ajru ta’ Engels, fl-inħawi ta’ Saratov.

Bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijet fiż-żewġ siti militari fost l-ispekulazzjoni li dawn setgħu spiċċaw mira għal attakk mill-Armata Ukrena. L-ispekulazzjoni żdiedet wara li ritratti mis-satellita kienu urew attività ‘akbar mis-soltu’ tal-ajruplani militari tar-Russja fil-bażijiet ta’ Ryazan u Saratov.

Il-President tar-Russja,Vladimir Putin. kien infurmat mal-ewwel dwar l-inċidenti fiż-żewġ bażijiet, waqt li Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, qal li l-awtoritajiet Russi kienu qed jaħdmu fuq ir-rapporti li kienu qegħdin jaslu mis-siti l-milquta.

Min-naħa tagħha, l-Ukrajna qed tgħid li r-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqet sensiela ġdida ta’ attakki bil-missili fuq l-ibliet u l-villaġġi tagħha.

Dan meta l-qawwiet ta’ Putin qed jikkonċentraw mill-ġdid fuq il-faċilitajiet li jipproduċu l-enerġija, bil-ħsieb li jagħmlu l-ħajja kemm jista’ ikun diffiċli għall-poplu Ukren waqt li jkissrulu l-moral.

U fl-aħħar sigħat, il-kapitali Ukrena Kiev u reġjuni oħra tal-Ukrajna kienu taħt stat ta’ allert assolut waqt sitwazzjoni ta’ inċertezza kontinwa u fost stennija għal aktar attakki mill-qawwiet Russi.