Lokali

AĠĠORNATA: Jaslu tard għall-iskola u għax-xogħol wara li tilfu tal-linja minħabba li l-fast ferry telqet tard

Numru ta’ studenti u ħaddiema Għawdxin qed jispiċċaw jaslu tard għall-iskola u għax-xogħol hekk kif il-fast ferry qed titlaq tard.

Din is-sitwazzjoni qed tirrepeti ruħha, bl-iktar każ riċenti jkun dalgħodu. Dawk li tkelmu ma’ Net News qalu kif il-fast ferry li kellha titlaq minn Għawdex fis-7am telqet tard, b’riżultat li dan il-vapur wasal tard il-Belt Valletta. Dan fisser ukoll li dawk li kienu abbort il-fast ferry spiċċaw tilfu tal-linja.

Fl-aħħar snin kienu saru żewġ rotti li jmorru id f’id mal-fast ferry – dawk numru 300 u 150. Madanakollu, minħabba li l-fast ferry qed titlaq tard, il-passiġġieri mhux jilħqu tal-linja tant li dawn qed jitilqu u jibdew ir-rotta kompletament vojta.

L-għaqda Gozo University Group tkelmu kemm ‘il darba mal-awtoritajiet konċernati dwar din is-sitwazzjoni iżda mhux talli ma sar xejn, talli s-sitwazzjoni, iktar ma jmur, iktar qed tigrava.

Intant, fi stqarrija li ġiet ippublikata l-Erbgħa Malta Public Transport skużat ruħha tal-inkonvenjenza li nħoloq kaġun ta’ dan il-każ.

Barra minn hekk, din l-istess kumpanija stqarret li qabel ma kien beda x-xogħol ta’ bini tal-fast ferry terminal biex il-bus stop titressaq aktar viċin tal-ferry terminal. Din it-talba ma kinetx milqugħa b’riżultat li fis-sitwazzjoni preżenti x-xufier m’għandux viżibbilta’ diretta fuq l-arrivals tal-fast ferry. Malta Public Transport talbet ukoll biex jitqiegħed proċess fejn tkun infurmata kull meta l-fast ferry tkun qed jittardja. Din it-talba s’issa għadha ma seħħitx.

Malta Public Transport tixtieq tiċċara li hemm istruzzjonijiet uffiċjali mill-kumpanija biex ix-xufiera jibqgħu jistennew sakemm il-fast ferry tkun waslet qabel ma’ jitilqgħu bir-rotta. F’dan il-każ partikolari il-karozza tal-linja telqet qabel ma waslet il-fast ferry fejn hawnhekk ix-xufier responsabbli naqas milli jagħmel dan u qed jittieħdu passi dixxiplinari.

Malta Public Transport tisħaq li qegħda f’kuntatt mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti KSU u GUG għaliex tifhem l-importanza ta’ dan is-servizz u qed tiddiskuti kif tista’ tkun aktar ta’ appoġġ għall-istudenti u l-pubbliku li jrid
jinqeda minn dan is-servizz. Madankollu, sabiex din is-sitwazzjoni ma tirrepetiex ruħha, Malta Public Transport se tkun qed tissorvelja s-sitwazzjoni mill-control room tagħha.