Internazzjonali

Jiżdied il-prezz internazzjonali taż-żejt

Il-prezz taż-żejt żdied wara li ntlaħaq ftehim mill-grupp ta’ nazzjonijiet G7 u l-alleati tiegħu biex jillimitaw il-prezz taż-żejt Russu għal 60 dollaru il-barmil.

Din il-mossa – li tista’ tidħol fis-seħħ illum – tqajjem pressjoni fuq ir-Russja. Dan wara li l-grupp tal-produtturi taż-żejt Opec+ qabel li jżomm mal-politika tiegħu li jnaqqas il-produzzjoni, fost tkabbir globali aktar bil-mod u rati tal-imgħax ogħla.

L-OPEC+ huwa grupp ta’ 23 pajjiż li jesportaw iż-żejt, inkluża r-Russja, li jiltaqa’ regolarment biex jiddeċiedi kemm għandu jbigħ crude oil fis-suq dinji.

Fi stqarrija konġunta l-ġimgħa li għaddiet, il-G7 u l-Awstralja qalu li l-limitu ta’ 60 dollaru fuq iż-żejt Russu se jidħol fis-seħħ illum it-Tnejn jew fil-ġranet li ġejjin. Dan ifisser li ż-żejt Russu mixtri tal-anqas 60 dollaru il-barmil biss, se jitħalla jintbagħat bl-użu ta’ tankers tal-G7 u tal-UE, kumpaniji tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Dan jista’ jagħmilha diffiċli għal Moska li tbigħ iż-żejt tagħha bi prezz ogħla, minħabba li ħafna kumpaniji ewlenin tat-tbaħħir u tal-assigurazzjoni huma bbażati fi ħdan il-G7.

Il-prezz taż-żejt u l-gass għola minħabba tħassib li l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna tista’ tolqot il-provvista. Ir-Russja hija t-tieni aqwa produttur tal-crude oil fid-dinja wara l-Għarabja Sawdija, u tforni madwar terz tal-ħtiġijiet tal-Ewropa.

Madankollu, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky sejjaħ il-limitu bħala “pożizzjoni dgħajfa” li ma kinitx “serja” biżżejjed biex tagħmel ħsara lill-ekonomija Russa.

Ir-Russja qalet li mhux se taċċetta l-limitu tal-prezz, u heddet li tieqaf tesporta żejt lejn pajjiżi li jadottaw dawn il-miżuri.

It-Tnejn ukoll se tidħol fis-seħħ projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq crude oil Russu importat bil-baħar.

Għalkemm il-miżuri żgur li se jinħassu mir-Russja, id-daqqa se tittaffa parzjalment mill-mossa tagħha li tbigħ iż-żejt tagħha lil swieq oħra bħall-Indja u ċ-Ċina, li bħalissa huma l-akbar xerrejja ta’ crude oil Russu.