Sport Sport Ieħor

Judo: Erba’ ġudoka jingħataw ‘red and white belt’

Ray Fava, John Zammit, Adulrahman u Aurelian Ciprian Flesz kienu promossi minn black belt għal red and white belt fil-kumpless tal-Malta Judo Academy f’Pembroke, wara li għaddew mill-eżami 6th Dan.

Ray Fava, sinonimu ma’ Tigne Judo Club, serva bħala Referee Nazzjonali għal ħafna snin u rrappreżenta lil Malta fil-kampjonati Ewropej u Mondjali fil-Kata.

John Zammit, li għadu l-uniku raġel li rebaħ midalja tad-deheb għall-Judo fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, serva bħala kowċ nazzjonali għan-nisa u ż-żgħażagħ, ikkompeta fil-Kampjonati Ewropej u Mondjali tal-Kata, u huwa Referee Internazzjonali, judge Internazzjonali għall-Kata, u Direttur tar-refereeing tal-federazzjoni.

Abdulrahman Latif serva bħala kowċ nazzjonali u referee u għadu kowċ fil-klabb tal-judo tal-Kamikwai.

Aurelian Ciprian Fleisz, ta’ nazzjonalità Rumena, beda jikkowċja lit-tim nazzjonali f’Jannar u ġab l-aktar suċċess notevoli lill-federazzjoni, b’Katryna Esposito tirbaħ il-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Commonwealth f’Birmingham u Isaac Bezzina jirbaħ l-ewwel midalja għal Malta f’avveniment ekwivalenti għall-IJF Grand Prix.

Riċentament fil-Lussemburgu, it-tim Malti taħt il-gwida tiegħu rebaħ ħames midalji, tnejn minnhom deheb, fil-Kampjonati Ewropej tan-Nazzjonijiet Żgħar. Is-6th Dan tiegħu ġej mill-IJF, iżda l-Federazzjoni ħasset li għandu jirċievi ċ-ċinturin aħmar u abjad mal-Judoka Malti.

Il-panel kien kompost minn Joe Caruana, Missier il-ġudoka Malti 7th Dan, Envic Galea, President 8th Dan (IJF) u Alex Bezzina, Direttur Sportiv, 7th Dan.