Lokali Qorti

Konfermata sentenza ta’ sena ħabs għax sawwat lil martu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Griscti ikkonfermat sentenza ta’ sena ħabs fil-konfornt ta’ ta’ Karkariż ta’ 48 sena li fi Frar tal-2020 kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati wara li ammetta li sawwat lil martu wara li waslu lura d-dar mill-każin ta’ Sant’Antnin fl-istess lokalità.

Carmel Mallia kien ammetta l-akkużi miġjubin kontrih iżda deherlu li kundanna ta’ sena ħabs hija waħda ħarxa żżejjed. Talab li jingħata piena aktar ġusta għax qal li piena ta’ ħabs ma kinitx soluzzjoni għall-problemi tiegħu u se tagħmel iktar ħsara lir-relazzjoni ma’ martu u binthom.

Ir-reat kien seħħ fil-21 ta’ Settembru tal-2019, għall-ħabta tal-11.20 pm. Kaġun tax-xebgħa li ta huwa kkaġunalha ġrieħi ħfief. Iċ-certifikat mediku esebit mill-Prosekuzzjoni wera nefħa, ħmura u tbenġil fuq in-naha l-leminija tad-dahar (lower ribs), fuq l-ahhar kustilji” liemi offizi kienu certifikati bhala “slight save complications”.

Huwa kien ġie ordnat mill-Ewwel Qorti biex isegwi kura psikjatrika għal sena. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti kienet korretta fid-deċiżjoni tagħha li kienet influwenzata wkoll minn nota oħra li ressqet martu u li fiha qalet li huwa kien tressaq fil-Qorti fuq każ ieħor ta’ vjolenza kontriha.

Il-Qorti tal-Appell qalet li r-raġel kien infurmat b’din in-nota u kellu ċans iressaq l-argumenti tiegħu iżda naqas li jagħmel dan. Huwa żied li minn rapport ta’ ‘social worker’ dwar ir-raġel, mitlub mill-akkużat innifsu, irriżulta l-attitudni xejn feliċi fil-komportament tiegħu.

Fattur li wassal ukoll għal tali piena huwa l-fatt li l-mara qalet għadha mbeżżgħa minnu u li ratu fl-inħawi fejn qed toqgħod hi minkejja li huwa projbit milli jgħix f’Birkirkara fuq ordni tal-Qorti. Il-Qorti irrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sabiex jieħu ħsieb lill-ħati biex jingħata lkura kollha meħtieġa, fil-kuntest tax-xhieda tal-psikjatra Beppe Micallef Trigona. L-Ispettur Christina Delia mexxiet il-Prosekuzzjoni.