Ħafna mil-liġijiet tagħna jaħdmu kontra n-nisa, ikomplu jsostnu l-patrijarkat għad-detriment tan-nisa u ma jirriflettux is-soċjetà moderna – hekk sostniet l-Women’s Lobby fi stqarrija li ħarġet dalgħodu.
“Wieħed jistaqsi x’qed iwaqqaf lill-gvern milli jibdel liġijiet bħal dawn u jaġġornahom biex jassigura li min jabbuża ma jkollux vantaġġ. Jew dan huwa wisq biex nistaqsu għax in-nisa ma tantx huma ta’ mportanza f’dan il-pajjiż?”
Times of Malta ilbieraħ ħabbret storja li tenfasizza l-ħafna problemi u ostakli li n-nisa, u speċjalment l-ommijiet, jiffaċċjaw fuq bażi regolari fis-soċjetà patrijarkali tagħna.
F’dan il-każ, l-istat qed jiċħad id-dritt tal-omm li tirreġistra lit-tifel tagħha u l-missier bijoloġiku veru. Minflok, l-istat qed iġiegħelha tirreġistra lit-tifel tagħha taħt isem l-ex-raġel abbużiv tagħha.
Fi kliem sempliċi, l-istat qed jagħti prijorità lid-drittijiet ta’ min jabbuża fuq id-drittijiet tal-omm, tat-tifel u tal-missier bijoloġiku. Din mhix koinċidenza rari, u n-nisa li jesperjenzaw vjolenza jgħaddu minn problemi simili għal darb’oħra fuq bażi ta’ kuljum.
Pereżempju, l-ommijiet iridu jiksbu l-firma ta’ min jabbużahom għal kull ħaġa relatata ma’ wliedhom – kemm jekk jiġu rreġistrati f’attivitajiet ta’ kura tat-tfal jew extra-kurrikulu; jibdlu l-iskola tagħhom jew joħorġu/jaġġornaw il-passaport tagħhom, u anke jekk iridu li wliedhom jirċievu terapija.
U jekk il-missier abbużiv irid joħloq problemi u jirrifjuta li jagħti l-kunsens, l-omm u t-tfal ibatu l-konsegwenzi. Inkella, l-omm trid tippreżenta rikors fil-qorti li jista’ jlaħħaq mijiet ta’ Ewro biex tipprova ssolvi l-kwistjoni.
//= $special ?>