Lokali Parlament

Kunsens nazzjonali li l-liġi se ddaħħal l-abort

Alex Borg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal fil-parlament li fil-pajjiż hawn kunsens nazzjonali li l-emenda li jrid idaħħal il-gvern hi żbaljata għax se ddaħħal l-abort. Hu sostna li l-protesta nazzjonali tal-Ħadd organizzata minn Life Network uriet il-polz tal-poplu fejn jinsab. Il-poplu qed juri li mhux favur din l-emenda tal-gvern Laburista.

Hu qal li m’għandhiex tiddaħħal politika tribali fejn tidħol din il-kwistjoni tal-abort u kompla li l-gvern mhux qed ikun ġust meta flok faħħar lit-tobba uża l-kliem li ‘dawn qed jibqgħu jilgħabu u jġebbdu’.

Id-deputat Nazzjonalista qal li t-tobba jibqgħu jipprovaw isalvaw il-ħajjiet tat-trabi u tal-omm u sostna li l-gvern mhux jitellem dwar is-saħħa u l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Il-prinċipji li ‘nħobbu lit-tnejn’ għandu jiddaħħal għaliex kemm l-omm kif ukoll it-tarbija fil-ġuf għamdhom id-drititjiet tagħhom.

Hu appella biex l-emenda tal-gvern tinbidel u li kull intervent li jweġġa’ lit-tarbija għandu jibqa’ att kriminali jekk ma jkunx hemm periklu imminenti għall-ħajja tal-mara.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern m’għandux mandat tal-poplu biex idaħħal l-abort u jista’ minflok idaħħal liġi li jkollha l-approvazzjoni ta’ kulħadd biex l-omm, it-tarbija u l-professjonisti jkunu protetti.