Lokali

LIĠI ABORT: Tikber il-pressjoni fuq Robert Abela

Dawk li mhux jaqblu mal-emenda tat-terminazzjoni tat- tqala proposta mill-Prim Ministru Robert Abela issa qed ilaħqu l-eluf fosthom tobba, esperti mediċi u legali, l-ispiżjara, l-infermieri, il-qwiebel, kif ukoll l-President Emeritu u eks Ministru Laburista Marie Louise Coleiro Preca – li lkoll qed jisħqu li l-kliem tal-liġi kif inhu se jdaħħal l-abort mill-bieb ta’ wara. 

Iżda l-membri tal-Kabinett ta’ Abela għadhom fommhom sieket…filwaqt li l-Prim Ministru qed jinsisti li l-liġi hija ċarissima.

It-Tnejn filgħodu, l-għada li 20,000 persuna ħonqu Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta jipprotestaw kontra din il-liġi, Net News flimkien ma’ diversi kmamar ta’ aħbarijiet oħra inevitabbilment staqsew lil Robert Abela għalfejn mhux jisma’ mill-esperti.

U filwaqt li f’nifs wieħed jgħid li lest jiddiskuti, fl-istess waqt jibqa’ jżomm pożizzjoni iebsa u jistqarr li l-liġi kif inhi hi “ċarissima” – turija tal-konfużjoni li qed tiddomina fil-Partit Laburista bħalissa.

Għaldaqstant, Net News staqsa lil Robert Abela jekk jaħsibx li l-President Emeritu flimkien mat-tobba li qed jappellawlu biex jemenda l-liġi….humiex żbaljati, bil-Prim Ministru jisħaq li bħal m’hemm tobba li ma jaqblux miegħu…hemm oħrajn li jaħsbu li għandu raġun. 

Filwaqt li fl-aħħar jiem Robert Abela deher iħossha diffiċli jirreferi għal tarbija fil-ġuf bħala tarbija, u baqa’ juża l-frażi “fetu”… meta pressat minn Net News, Abela insista li huwa kontra l-qtil ta’ tarbija fil ġuf minn ħames xhur u nofs tqala ‘l quddiem.

U minkejja li fil-bidu tal-kummenti qal li l-liġi hija ċarissima…dwar f’liema perjodu qed jissuġġerixxi t-terminazzjoni ta’ tqala f’każ ta’ theddida għal saħħet l-omm – il-Prim Ministru baqa’ ma weġibx.

Intant Net News staqsa lill-Ministru Clayton Bartolo jekk hu jaqbilx mal-abort jew le…bil-Ministru jistħi jgħid l-opinjoni tiegħu.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-emenda kif qed tiġi proposta mill-Prim Ministru Robert Abela għandhiex tinbidel … il-Ministru elett mill-poplu ftit inqas minn 9 xhur ilu saħaq li l-opinjoni tiegħu hija rrelevanti.