Lokali Parlament

Min tilef lil uliedu fit-tqala għandu jkun kontra l-abort

Ivan Castillo, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal fil-parlament li dawk il-koppji, bħalu u bħal martu, li tilfu lil uliedhom fit-tqala għandhom ikunu bis-saħħa kontra l-abort.

Ivan Castillo qal li n-nisa u l-irġiel mill-esperjenza għandhom rispett u simpatija u sostna li l-esperjenza personali tiegħu meta hu u l-mara tiegħu tilfu t-tfal tagħhom waqt it-tqala.

Hu sostna li huma pprovaw li jkollhom it-tfal iżda l-mara tiegħu korriet. It-tobba kienu qalulhom li din kienet isseħħ ħafna fl-ewwel tqala iżda fit-tieni tqala reġa’ kien hemm diffikultajiet sakemm fis-seba’ xahar tat-tqala, reġa’ kien hemm komplikazzjonijiet fejn it-tobba għamlu dak kollu possibbli biex l-omm u t-tarbija jkunu mgħejjuna iżda t-tarbija intilfet.

Il-mara għaddiet minn martirju ta’ ġurnata u nofs biex welldet tarbija mejta; wara t-twelid ma kienx hemm biki ta’ ferħ iżda biss niket u biki ta’ telf.

Ivan Castillo rringrazzja lit-team mediku kollu li kienu għamlu minn kollox biex jipprovaw isalvaw il-ħajja ta’ binhom. Jien inweġġa’ meta d-deputati Laburisti jgħidu li l-PN ma jafdax lit-tobba iżda l-fatt qed jitkellmu weħidhom għaliex din il-liġi tant hi miftuħa li qed titfa’ dubji fuqhom dwar x’deċiżjoni għandhom jieħdu, sostna Ivan Castillo.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm 450 tabib li qed jagħmlu l-istesss appell lill-gvern u sostna li s-soluzzjoni mhix l-abort. Dawn in-nisa li jkollhom diffikultajiet fit-tqala għandhom ikunu assistiti, sostna d-deputat Nazzjonalista li kompla li hekk kif twieled ibnu mejjet, martu daret fuqu u qaltlu ‘skużani’ meta ma kienx tort tagħha.

Ħadd m’għandu jħoss din il-weġgħa; irridu niżirgħu t-tama biex in-nisa u l-irġiel iserrħu rashom li l-għażla m’għandhiex tkun li titneħħa t-tarbija iżda li jsir minn kollox biex it-trabi jgħixu, sostna Ivan Castillo.

Hu appella biex ikun hemm diskussjoni dwar l-adozzjoni minħabba li f’Malta fl-aħħar 10 snin kien hemm biss 27 adozzjoni; numru żgħir wisq għall-ġenituri li jixtiequ jkollhom it-tfal.

Id-deputat Nazzjonalista qal li dak li jseħħ wara li mara titlef it-tarbija jkun ta’ weġgħa kbira u talab lill-gvern biex ibiddel il-liġi għall-aħjar biex il-familji jingħataw it-tama li t-tobba se jagħmlu minn kollox għaliex l-abort mhux soluzzjoni.