Lokali

“Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu li jdaħħal l-abort f’pajjiżna” – PN

Fil-kummenti li ta dalgħodu lill-mezzi tax-xandir, Robert Abela kkonferma li se jibqa’ jwebbes rasu li jdaħħal l-abort f’pajjiżna. U dan minkejja li la hu u lanqas il-Partit Laburista m’għandhom mandat tal-poplu biex idaħħlu l-abort f’pajjiżna.

Il-logħob bil-kliem li qed jagħmel Robert Abela dwar id-dħul tal-abort f’pajjiżna hu perikoluż u bih qed jinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li din l-imġieba anti-demokratika ta’ Robert Abela hi inaċċettabbli f’soċjetà demokratika.

Wara d-diskors isteriku tal-bieraħ filgħodu, Robert Abela issa qed ikompli jattakka lil kull min hu favur il-ħajja f’pajjiżna, inkluż għadd kbir ta’ akkademiċi, tobba, esperti, personalitajiet magħrufa, eks politiċi, persuni ta’ fehmiet politiċi differenti, għaqdiet mhux governattivi u l-Knisja f’Malta.

Bil-pjan li għandu biex idaħħal l-abort f’pajjiżna, Robert Abela spiċċa dawwar lil kulħadd kontrih.

Għalhekk Robert Abela għandu għażla waħda quddiemu: dik li jirtira l-abbozz ta’ liġi li bih irid idaħħal l-abort f’pajjiżna.