Lokali

Tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin iridu jitilqu minn Malta – pajjiżna qed jitlef nies imħarrġa u kwalifikati

Tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin jixtiequ jitilqu jgħixu barra minn Malta – sitwazzjoni illi tfisser li pajjiżna qed jitlef nies imħarrġa jew kwalifikati f’setturi bżonnjużi.

Dan qalu l-editorjal ta’ The Sunday Times of Malta meta evalwa stħarriġ li sar mid-ditta EY. Dan l-istħarriġ, li kien iffukat fuq żgħażagħ bejn is-16 u l-40 sena wera kif fil-maġġorparti ta’ dawk li wieġbu ma jixtiequx li jqattgħu ħajjithom kollha f’pajjiżna.

L-editorjal ifakkar kif dawn iż-żgħażagħ mhumiex iqabblu Malta t’issa ma’ Malta li kienu jafu qabel hekk kif għadhom wisq żgħar biex jaraw daqstant differenza f’pajjiżna. Minflok, iż-żgħażagħ li wieġbu setgħu jitkelmu biss dwar kif qed iħossuhom illum il-ġurnata dwar il-pajjiż li twieldu fih.

U r-raġuni għalfejn ma jixtiequx jgħixu iktar f’Malta? Ħafna kkritikaw il-bini esseġerat li tiela’, il-kultura politika, t-traffiku u l-inflazzjoni.

Minn stħarriġ ieħor li sar minn FreeHour kien irriżulta li 82% iqisu l-edukazzjoni f’pajjiżna bħala waħda mhix ideali. Dan hekk kif is-sistema edukattiva ma ppreparathomx b’mod prattiku għad-dinja tax-xogħol …u fil-maġġoranza kellhom biss teorija.

Bit-Times tfakkar li dawn l-istudenti huma l-istess persuni li qed nittamaw li għada pit’għada jmexxu ‘l quddiem lil pajjiżna. U għalhekk, l-editorjal jappella lill-Gvern biex jirrealizza kif is-sistema edukattiva f’pajjiżna qed tfalli kompletament. Anke minhabba l-fatt li l-Gvern stess nesa lill-edukaturi.