Lokali Parlament

Abbużi fis-servizzi għall-anzjani f’Għawdex

Paula Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li l-Awditur Ġenerali kkonferma li hemm abbużi gravi fis-servizzi tal-anzjani.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-mod kif il-gvern jinganna lin-nies u rriferiet għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li jitkellem dwar il-kura tal-anzjani f’Għawdex.

Dan ir-rapport jitkellem dwar diversi abbużi mill-Ministeru għal Għawdex u jsemmi kif fis-servizz tal-Home Help; liema servizz kien daħħlu gvern Nazzjonalista.

Jiriżulta li 31% tas-servizzi tal-Home Servizz ma ngħatawx lill-anzjani fid-djar residenzjali iżda ngħataw fid-dipartimenti u fl-uffiċini tal-Gvern. Dan qed iseħħ għax hemm abbużi u miżapproprijazzjoni ta’ fondi u hemm madwar 50,000 siegħa li suppsot kienu allokati lill-anzjani iżda kienu allokati lill-uffiċini tal-gvern.

L-Awditur Ġenerali stablixxa wkoll li fid-dar tal-anzjani li ilha biex titlesta mill-2013 intefqu miljuni ta’ flus meta din hi biss fantażma. Waqt il-pandemija sar kuntratt direct order lid-Down Town Hotel mingħajr ebda dokumentazzjoni oħra; kuntratt ta’ €950,000 fis-sena li tela’ għal €1.6 miljun.

Dan hu gvern li qed jabbuża minn flus il-poplu, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet, li l-Ministru għal Għawdex għandu jirriżenja jew jitlob li jkun hemm awditjar biex ikun speċifikat min abbuża.

Paula Mifsud Bonnici rriferiet ukoll għat-traġedja li fiha Jean Paul Sofia ta’ 20 sena li mar għax-xogħol u spiċċa mirdum għaliex il-binja li daħal fiha kkrollat.

Hi sostniet li tinsab imdejqa ħafna għaliex il-poplu sar insensittiv u kompliet li ma jistax ikun li qisu ma ġara xejn sakemm tintemm l-inkjesta.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li Jean Paul Sofia m’għandu l-ebda tort għal dak li seħħ u għalhekk għandhom jingħataw ir-risposti lill-ġenituri. Sal-lum ħadd għadu ma kellem lil din il-familja biex din tibda tipprova tifhem x’ġara.

Paula Mifsud Bonnici staqsiet x’għamlet l-Awtorità tal-Ippjanar biex tara jekk kinx hemm policies li setgħu wasslu għaliex jidher li minħabba li dan il-bini seta’ jinbena b’DNO biss.

Saru spezzjonijiet dwr il-permessi? Il-bini kien skont il-permess u skont is-sengħa? staqsiet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li għandhom jingħataw ir-risposti.