Basketball Sport

Caffè Moak Luxol u Starlites FIJO jibqgħu jirbħu…Il-Ħamis il-konfront dirett kontra xulxin

Colin Scembri

Hibernians 65

Caffe Moak Luxol 86

(20-24)(12-22)(19-17)(14-17)

Wara waqfa ta’ ġimgħa rritorna l-kampjonat Mapfre MSV life tan-nisa u fl-ewwel partita Caffè Moak Luxol komplew bir-rebħ meta għelbu lil Hibernians 86-85 f’partita li rat id-debutt ta’ Sarah Fenech Pace fl-għola diviżjoni. Kienu Luxol li għamlu l-ewwel punti tal-partita minn Mandi Mercieca li kellha wkoll trippla. Ir-risposta ta’ Hibs ġiet minn tippli ta’ Ashleigh Van Vliet u Sam Brincat biex marru fuq quddiem u għal xi ħin żammew il-vantaġġ. Luxol għaddew biex għamlu break qasir ta’ 8-2 bil-punti ta’ Paula Ellul u Gladiana Avila però Hibs għamlu l-iskor indaqs wara trippla oħra minn Kirsty Caruana 17-17. Wara punti ta’ Mercieca, Avila u Josephine Diaby kien hemm trippla fuq kull naħa minn Naomi Farrugia u Avila biex Luxol temmew l-ewwel sessjoni 24-20 minn fuq. Fit-tieni taqsima, Luxol fetħu bi 8 punti mingħajr risposta minn Mercieca u Avila biex fetħu vantaġġ ta’ 12 -il punt 36-24. Hibs kellhom risposta minn Van Vliet, Kaya Calleja u trippla ta’ Iona Agius però Luxol ukoll kellhom trippla oħra minn Avila flimkien ma’ 5 punti konsekuttivi ta’ Mercieca biex daħlu jistrieħu 46-32 minn fuq.

Wara l-intervall, Luxol komplew ikabbru d-distakk b’run oħra ta’ 11-2 bi trippla ta’ Beverlee Zammit. Van Vliet waqqfithom bi three pointer ieħor għalkemm Avila u Anna Fenech Pace komplew jiksbu l-punti għac-champions. Hibs kellhom mument tajjeb bi tlett trippli, 2 ta’ Farrugia u oħra minn Jasmine Abela però fi tmiem il-perjodu kienu għadhom 18 minn taħt, 51-69. L-aħħar taqsima fetħet b’diversi punti fuq iż-żewġ naħat biex il-vantaġġ ta’ Luxol baqa’ wieħed stabbli. Luxol kellhom fost l-oħrajn ħames baskets minn Lisa Fenech Pace fil-waqt li għal Hibs kien hemm il-punti minn Caruana, Calleja u Julija Dabic. Sa’ tmiem il-partita kien hemm spazju għall-ewwel punti ta’ Sarah Fenech Pace biex Luxol ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 86-65.

Hibernians: E. Farrugia, I. Agius 8, A. Legarra 3, A. Van Vliet 13, S. Brincat 3, J. Abela 7, N. Farrugia 11, K. Caruana 10, K. Conti, K. Calleja 4, J. Gauchi, J. Dabic 6.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 6, V. Selvaggi, M. Mercieca 16, L. Fenech Pace 10, H. Galea, G. Avila 24, K. Portelli, B. Zammit 3, P. Ellul 4, S. Fenech Pace 3, J. Diaby 14, A. Fenech Pace 6.

Referees: Nicky Azzopardi, Ionut Ciurariu, Fiorentina Ciurariu.

.

Starlites FIJO 117 

Fusion Quest 40

(33-6)(24-11)(26-16)(34-7)

Din il-partita wkoll rat id-debutt ta’ żagħżugħa oħra fil-kampjonat tal-kbar hekk kif Starlites inkludew għall-ewwel darba lil Lexi De Martino li b’hekk ingħaqdet ma’ oħtha Steffi De Martino fl-iskwadra ta’ Charles Bonnici. Kif mistenni, Starlites ftit kellhom diffikulta li joħorġu rebbieħa kontra Fusion Quest biex baqgħu fl-ewwel post tal-kampjonat bla telfa. Starlites għamlu l-ewwel 10 punti minn De Martino, Amelia Simmons u Maria Bonett li ġiet lura minn injury. Kien hemm risposta qasira minn Fusion qabel ma Starlites komplew jiddominaw il-partita fejn għalqu s-sessjoni b’run ta’ 21-2 fejn kien hemm diversi fast breaks konkluzi mill-koppja De Martino u Simmons flimkien ma’ Mikela Riolo għal skor ta’ 33-6. L-andament tal-partita baqa’ l-istess fit-tieni perjodu fejn kien hemm fost l-oħrajn run oħra ta’ 12-0 minn Starlites u lejn it-tmiem kien hemm ukoll it-trippli minn Catherine Cilia u Martina Sciberras għal skor ta’ 57-17.

Fit-tielet taqsima, kien hemm l-ewwel punti ta’ Lexi De Martino fil-waqt li għal Fusion kien hemm it-trippli minn Julia Schembri, Denica Apostolovska u Natalja Pejcic. Starlites ukoll kellhom it-trippli minn S. De Martino u Andie Saliba biex fetħu distakk ta’ 50 punt 83-33. L-aħħar sessjoni kienet biss formalita bi Starlies jagħqqdu l-mitt punt b’basket minn S. De Martino u komplew sejrin b’aktar punti bil-players kollha jniżżlu isimhom fost l-iskorers u rebħu l-partita 117-40.

Starlites FIJO: M. Riolo 6, A. Saliba 14, M. Sciberras 3, M. Bonett 10, S. De Martino 34, M. Fenech 6, A. Simmons 28, C. Cilia 7, L. De Martino 6, C. Curmi 3.

Fusion Meridianbet: V. Janicijevic 2, D. Debono, M. Momcilovic 2, J. Schembri 11, D. Apostolovska 3, E. Mae Amorin, T. Azzopardi Deguara 3, A. Caballero 11, N. Pejcic 8.

Referees: Ionut Ciurariu, Gianfranco Russo