Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Goncalo Ramos jispikka fil-festa Portugiża bl-ewwel tripletta ta’ din it-Tazza tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Il-Portugall sabitha iktar faċli milli mistenni biex kisbet post mal-aħħar tmienja tat-Tazza tad-Dinja. Rebħa kbira ta’ 6-1 kontra l-Iżvizzera bl-eroj prinċipali jkun iż-żagħżugħ Goncalo Ramos. L-attakkant ta’ 21 sena ġie preferut mill-istilla Cristiano Ronaldo u ta raġun l-għażla tal-kowċ Fernando Santos bi tripletta.

GONCALO RAMOS fetaħ l-iskor fis-17-il minuta meta rċieva mingħand Joao Felix u b’xutt b’saħħtu minn angolu ristrett fuq l-ewwel lasta, għadda l-ballun bejn Yann Sommer u l-lasta l-wieqfa. Il-vantaġġ irdoppja ruħu fit-33 minuta. Din id-darba kien korner mil-lemin ta’ Bruno Fernandes, bil-captain tal-ġurnata PEPE għola tajjeb u għeleb lil Sommer b’daqqa ta’ ras.

Reazzjoni kienet mistennija mill-Iżvizzera fit-tieni taqsima iżda GONCALO RAMOS kellu ħsibijiet oħra fil-51 minuta. Iż-żagħżugħ daħal tajjeb għal kross fil-baxx mil-lemin ta’ Diogo Dalot u għeleb lill-gowlkiper avversarju b’konklużjoni fil-baxx.

Il-festa Portugiża kompliet ftit wara erba’ minuti wara. Kien imiss lil Ramos li din id-darba jservi lil RAPHAËL GUERREIRO. Id-difensur temm l-azzjoni b’suċċess hekk kif għadda l-ballun minn fuq Sommer b’xutt fuq il-ġirja.

L-Iżvizzera naqqset id-distakk fit-58 minuta, b’korner mil-lemin li minnu MANUEL AKANJI kompla għal ġewwa wara li Goncalo Ramos xellef il-ballun b’daqqa ta’ ras.

GONCALO RAMOS irnexxielu jiskorja l-ewwel tripletta ta’ din l-edizzjoni fis-67 minuta meta reġa’ rċieva mingħand Felix u bil-kunfidenza kollha qabbeż il-ballun kemm kemm fuq il-gowlkiper Żvizzeru.

Is-sostitut RAFAEL LEAO sab ukoll il-ħin biex iniżżel ismu fost l-iskorers fit-92 minuta b’konklużjoni minn tarf il-kaxxa li ħalliet lil Sommer statiku.