Il-Ġermanja: Żewġt ibniet jisfaw vittmi ta’ attakk li xokkja lill-pajjiż kollu
Il-Pulizija fil-Ġermanja qed jinvestigaw attakk faħxi li seħħ sigħat ilu u li fih sfat maqtula tfajla ta’ 14-il sena li spiċċat aggredita minn raġel armat b’sikkina. L-attakk, fil-villaġġ ta’ Illerkirchberg, seħħ waqt li t-tfajla u l-ħabiba tagħha kienu mexjin lejn l-iskola u b’talaħħar tispiċċa midruba mill-aggressur.
L-awtoritajiet qed jgħidu li s-suspettat wettaq l-attakk ftit wara li kien ħareġ mix-xelter għar-refuġjati taz-zona fejn hu kien residenti. Intant, kien ikkonfermat, wara, li waħda mit-tfajliet mietet l-isptar mill-ġrieħi li ġarrbet – bil-pulizija tarresta raġel ta’ 27 sena li, skont ir-rapporti, kien wasal il-Ġermanja mill-Eritrea bit-tama li jikseb il-kenn politiku.
It-tfajla l-midruba, li għadha 13-il sena, mhix f’periklu li titlef ħajjitha, iżda l-attakk nissel xokk kbir fost il-poplu Ġermaniż – speċjalment ladarba sar magħruf li l-aggressur, wara l-attakk, kien mar lura bil-kalma fix-xelter qabel il-pulizija qabduh fil-pussess tas-sikkina li ntużat għad-delitt.
Is-suspettat instab ukoll b’diversi feriti li x’aktarx kienu kkaġunati minnu stess u fil-preżent hu qiegħed jgħin fl-istħarriġ tal-pulizija. Il-Prosekuturi issa qed jippruvaw jiddeterminaw jekk l-aggressur għandux xi issues psikjatriċi jew jekk hu setax kien jaf liż-żewġ tfajliet qabel l-attakk.
Fl-istess ħin, il-pulizija ħarġu stqarrija fejn ħeġġew biex il-pubbliku ‘ma jużax dan l-inċident biex jistimola l-mibgħeda għall-barranin u l-immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku fil-Ġermanja.’
//= $special ?>

