Lokali Saħħa

“Il-liġi tal-abort se żżid il-problemi għalina t-tobba” – MAM

“Din l-emenda se twassal biex jikbru l-problemi għat-tobba għax il-kliem ta’ din il-liġi huma wisq vagi.”

Hekk sostna l-President tal-Assocjazzjoni tat-Tobba Martin Balzan f’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem l-Isptar Mater Dei, fejn stqarr li l-MAM qatt ma talbet biex issir din l-emenda fil-liġi filwaqt li qatt ma ġiet ikkonsultata.

Martin Balzan qal li mal-mument li l-emenda fetħet tieqa fuq problemi ta’ saħħa mentali, il-union ma qablitx – għax il-kliem li qed jintuża mhux tajjeb.

Il-MAM qed tissuġġerixxi li f’sitwazzjonijiet delikati, ikunu hemm tliet tobba li jieħdu d-deċiżjoni u mhux wieħed. U saħaq li fil-liġi għandu jkun speċifikat kif se tkun il-proċedura u min se jieħu d-deċiżjoni finali.

Martin Balzan qal li jekk il-Gvern irid idaħħal din l-emenda biex jintroduċi l-abort f’pajjizna, importanti li ma jżeffinx lit-tobba fin-nofs.

Min-naħa tagħha Aloisia Camilleri, psikjatra u rappreżentanta tal-MAM għall-konsulenti, saħqet li s-saħħa mentali għandha tingħata importanza daqs is-saħa fiżika, iżda sa issa qatt ma kien hemm każ ta’ saħħa mentali li ġie mfejjaq permezz ta’ terminazzjoni tat-tqala.