Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Kwalifikazzjoni storika għall-Marokk

(Ritratt: EPA)

Marokk 0-0 Spanja (3-0)

(Il-Marokk jikkwalifikaw wara l-għoti tal-penalties)

Il-Marokk eliminaw lil Spanja wara l-għoti tal-penalties biex issa jistennew l-eżitu fil-partita bejn il-Portugall u l-Iżvizzera biex ikunu jafu minn se jkunu l-avversarji tagħhom f’dik li se tkun l-ewwel esperjenza tagħhom fil-kwarti tal-finali tat-Tazza tad-Dinja. Il-partita marret għall-għoti tal-penalties hekk kif wara 120 minuta l-iskor baqa’ ma nftetaħx. Bl-għoti tal-penalties il-Marokkini ħarġu rebbieħa 3-0 wara li l-Ispanjoi fallew il-penalties kollha li taw.

Marco Asensio mar viċin fis-27 minuta meta wara li rċieva mingħand Jordi Alba prova jaħsad lil Bono iżda x-xutt tiegħu mar ftit barra.

Il-Marokk fuq l-attakk fit-33 minuta bid-difensur ta’ Bayern Munich Noussair Mazroai jipprova mid-distanza bix-xutt mill-isbaħ tiegħu ikun salvat bi bravura minn Unai Simon.

Fit-42 minuta l-Marokk fallew ċans tad-deheb meta minn taħt il-lasta Nayef Aguerd bir-ras tefa’ barra wara kross mill-aqwa ta’ Sofiane Boufal. Tmiem l-ewwel taqsima 0-0.

Fil-55 minuta free kick għal Spanja mogħti minn Olmo li prova xutt b’saħħtu lejn il-lasti ta’ Bono bil-goalkeeper Tork ikollu jtajjar b’diffikultà. Fid-90 minuta minn free kick ta’ Soler, is-sostitut Alvaro Morata bir-ras tefa’ għoli.

Bil-pussess tal-ballun fil-maġġoranza f’saqajn l-Ispanjoli, il-Marokkini baqgħu organizzati u ddefendew tajjeb ir-riżultat, biex il-partita marret għall-ħin barrani.

L-aħjar ċans fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani wasal għand il-Marokk wara 13-il minuta meta Ounahi għadda ‘l quddiem lejn Cheddira li b’xutt fil-baxx ra lil Simon jilqa’ b’siequ.

It-tieni taqsima kienet kważi kollha bl-Ispanjoli bil-ballun f’saqajhom u l-Marokk jilqgħuwhom biex fl-aħħar sekondi Sarabia kien sforunat li x-xutt angolat tiegħu ħabat mal-wieqfa b’din tkun l-aħħar azzjoni, bl-iskor jibqa’ ma jinfetaħx u għalhekk il-logħba kella tmur għall-għoti tal-penalties.

Għal Marokk skorjaw Sabiri, Ziyech u Hakimi filwaqt li Sarabia, Soler u Busquets kollha fallew għal Spanja. Benoun biss falla l-penalty tal-Marokkini u għalhekk it-tim immexxi minn Regragui ħareġ rebbieħ 3-0 bl-għoti tal-penalties.

Il-penalty rebbieħ mogħti minn Achraf Hakimi li qata’ passaġġ lill-Marokk fil-kwarti tal-finali (Ritratt: EPA)