Lokali Parlament

Il-PL qatt ma qal li kien favur l-abort; inganna n-nies

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li qabel lelezzjoni li għaddiet, il-PL qatt ma qal li kien favur l-abort u għalhekk inganna n-nies.

Toni Bezzina qal li din hi liġi tagħmel riferenza indiretta għall-abort taħt ċirkostanzi li huma vagi. L-isfortuna hi li bit-toqob li fih dan l-abbozz, dan se jwassal għall-abort, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li fil-liġi m’hemm ebda riferenza għat-tarbija fil-ġuf. Dan hu ta’ inkwiet kemm għal dawk li għandhom għal qalbhom is-saħħa tal-mara tqil kif ukoll is-saħħa tat-tarbija fil-ġuf.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li dan l-abbozz fih ħafna nuqqasijiet għax iwassal, kif inhu, għall-abort. Hu sostna li l-gvern qed jiċħad is-sewwa magħruf u qal li fil-passat il-PL kien uża l-abort biex ibeżża’ n-nies mill-UE. Issa se jkun il-Gvern Laburista innifsu li se jkun qed idaħħal l-abort fil-pajjiż.

Toni Bezzina qal li kulħadd irid isalva l-ħajja tal-mara u sostna li meta ħajja tal-mara ma tkunx f’periklu m’għandhiex titneħħa l-ħajja tal-mara. Hu staqsa għaliex il-gvern irid idaħħal l-abort?

Id-deputat Nazzjonalista kompla li qabel l-elezzjoni, il-PL qatt ma ta l-impressjoni li se jdaħħal l-abort. Il-Prim Ministru ddaħħal fi sqaq li ma jistax jinqala’ minnu waqt li ħafna deputati Laburista m’humiex kuntenti bl-att kif inhu iżda ma jistgħux jitkellmu. Hu appella biex isiru l-emendi neċessarji biex jitneħħew id-dubji kollha għaliex kif inhi, il-liġi ma teskludix l-abort.

Toni Bezzina qal li l-PL qed jattakka ħafna nies iżda mhux isemmi lill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li ddikjarat li hi kontra l-emenda kif inhi proposta mill-gvern.