Lokali

Il-PN irid li l-Air Malta tibqa’ ttir u tibqa’ l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna

Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-Air Malta tibqa’ ttir bħala l-linja nazzjonali ta’ pajjiżna għax biha mhux biss igawdu l-impjegati, iżda wkoll it-turiżmu u n-negozjanti Maltin u Għawdxin. U filwaqt li jaqbel mal-ħtieġa ta’ ristrutturar, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li dan għandu jkun b’mod strateġiku u mhux bil-mentalità tat-“take it or leave it” kif qed jaġixxi dan il-Gvern.

Dan ħareġ matul konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kelliem għall-Ekonomija u l-Ħolqien ta’ Setturi Ekonomiċi Ġodda Ivan J Bartolo u l-Kelliem għax-Xogħol u s-Settur Marittimu Ivan Castillo, li nnotaw kif, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares ’il quddiem, il-Gvern Laburista moħħu biss biex iħares lura billi jgħid x’sar ħażin fil-passat.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Air Malta għandha bżonn viżjoni serja biex mhux biss tkun vijabbli, iżda wkoll profittabbli. Min-naħa l-oħra, fl-aħħar 10 snin, bil-Labour fil-Gvern il-linja nazzjonali tal-ajru kellha Ministri moħħhom biex ikomplu jsammruha ’l isfel.

Il-Ministru Clyde Caruana, li llum hu responsabbli mill-Air Malta, hu moħħu biss biex jgħatti l-iżbalji li saru mill-Gvern Laburista fl-aħħar snin u dan jagħmlu kompliċi mal-Ministri ta’ qablu.
Il-kelliema spjegaw li l-Partit Nazzjonalista ma jridx li l-Air Malta tispiċċa ballun politiku, iżda jemmen li linja nazzjonali tal-ajru effettiva tista’ biss tagħmel lil pajjiżna aktar attraenti. Min-naħa l-oħra, taħt il-Gvern Laburista ttieħdu deċiżjonijiet żbaljati.

Il-kelliema żvelaw kuntratt li l-Ministru Konrad Mizzi kien iffirma f’Jannar tal-2018 u li għażel li jżommu sigriet, meta kien wiegħed lill-ħaddiema li għandhom xogħol garantit mal-Air Malta, b’kundizzjonijiet li kienu ffirmati fil-ftehim kollettiv. Barra minhekk, f’żewġ ftehim separati oħrajn, il-Ministru Edward Zammit Lewis kien ta l-għażla minn tliet snin ta’ take-home pay. Iżda anke dawn il-ftehim kienu nżammu sigrieta.

Aktar riċenti, fi żmien il-Ministru Silvio Schembri kienu tkeċċew 108 piloti, li min-naħa tagħhom fetħu kawża fil-Qorti, li għadha għaddejja sal-lum, biex jargumentaw li huma kienu qed jaġixxu skont il-kuntratt tal-Ministru Konrad Mizzi. Din it-tmexxija ħażina qed twassal biex il-Gvern qed iħallas €100 miljun minn flus il-poplu.

Filwaqt li tennew li billi jaħbi dawn il-veritajiet, il-Ministru attwali Clyde Caruana għażel li jkun kompliċi, il-kelliema tennew l-appell lill-Gvern ta’ Robert Abela biex jagħmel minn kollox biex il-linja nazzjonali tal-ajru terġa’ tqum fuq saqajha