Futbol Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Illum ikunu magħrufa l-aħħar żewġ timijiet fil-kwarti finali

(Ritratt: EPA)

ROUND TAL-AĦĦAR 16

16:00 – MAROKK V SPANJA

F’partita delikata, Spanja se jibdew bħala favoriti li javvanzaw għall-kwartifinali meta fl-Education City Stadium jilagħbu kontra l-Marokk. Spanja kwalifikaw bħala r-runners up fi Grupp E meta kwalifikaw wara l-Ġappun. Għal Spanja f’din il-partita jidher li se jkollhom nieqes lil Cesar Azpilicueta.

Għall-Marokk din se tkun it-tieni darba fl-istorja tagħhom li se jkunu qed jilagħbu f’din il-fażi tat-Tazza tad-Dinja. Il-Marokk kwalifikaw minn Grupp F bħala rebbieħa wara li temmew fl-ewwel post b’seba’ punti. Għal din il-partita, l-kowċ tal-Marokk Walid Regragui jidher li se jkollu lill-players kollha disponibbli.

20:00 – PORTUGALL V ŻVIZZERA

Fl-aħħar partita mir-round tal-aħħar 16, il-Portugall se jkunu qed jilagħbu f’konfront li mistenni jkun bilanċjat kontra l-Iżvizzera. Il-Portugall se jkunu mistennija li jikkwalifikaw hekk kif huma wieħed mill-favoriti li jirbħu t-Tazza tad-Dinja. It-tim ta’ Fernando Santos għal din il-partita se jkollu numru ta’ player neqsin, lil Danilo Periera, Otavio u Nuno Mendes. Il-Portugall kwalifikaw bħala rebbieħa ta’ Grupp H wara li temmew qabel il-Korea t’Isfel.

Għall-Iżvizzera dan se jkun konfront diffiċli minkejja li huma konxiji mill-qawwa tagħhhom stess. L-Iżvizzera avvanzaw għal din il-fażi flimkien mal-Brażil wara li temmew fit-tieni post bid-differenza ta’ gowls aħjar. Murat Yukin se jkollu l-players kollha disponibbli għal din il-partita, bir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab kontra r-rebbieħ bejn il-Marokk u Spanja.