Internazzjonali

Indoneżja: Tgħaddi l-liġi li tipprojbixxi s-sess barra ż-żwieġ

Il-Parlament tal-Indoneżja approva kodiċi ta’ liġi ġdida li tipprojbixxi s-sess barra ż-żwieġ u min jinqabad jikser din il-liġi jista’ jeħel sa massimu ta’ sena ħabs.

Din il-liġi tapplika għaċ-ċittadini tal-Indoneżja kif ukoll għal barranin fejn dan ifisser li se tkun ferm diffiċli għal dawk il-koppji li mhumiex miżżewġin sabiex jgħixu taħt l-istess saqaf.

Il-kodiċi tinkludi wkoll li persuna bl-ebda mod ma tista tinsulenta l-President jew inkellha titkellem kontra l-ideoloġija tal-istat. Din il-kodiċi ta’ liġi se tidħol fis-seħħ tlett snin oħra.

Intant, din il-ġimgħa diversi persuni marru jipprotestaw quddiem il-Parlament ta’ Jakarta. Barra minn hekk, bosta assoċjazzjonijiet esprimew li din l-emenda tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll trażżan l-espressjoni politika u l-liberta’ fir-reliġjon.