Lokali Parlament

Is-saħħa tal-omm u tat-tarbija huma ta’ importanza kbira

Graziella Attard Previ, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet fil-parlament li s-saħħa tal-omm u tat-tarbija huma ta’ importanza kbira.

Hi qalet li mara li jkun ilha tippjana familja u li toħroġ tqila u mbagħad tiffaċċja ċirkostanzi diffiċli fit-tqala tkun għaddejja minn żmien iebes u diffiċli.

Hi qalet li trid tkun il-vuci ta’ dik it-tarbija li mingħajr l-ebda ħtija ta’ xejn taf tispiċċa fil-periklu jekk tittieħed deċiżjoni li t-tqala tintemm għall-ġid tal-omm.

Ħafna jaqblu li s-saħħa tal-omm hija ta’ importanza kbira, iżda l-istess jista’ u għandu jingħad għas-saħħa tat-tarbija.Il-prinċipju wara l-emendi fil-liġi li tissalva l-ħajja tal-mara, li jigi protett il-professjonist hu wieħed tajjeb, però kellu jkun ċar li daqstant ieħor tingħata prijorità li fejn hu vijabbli, li jsalva t-tarbija ukoll.Hemm bżonn li jiġu eliminati kull diffikultà jew ekwivoku li jista’ jkun li hemm fil-liġi kif inhi bħalissa.

Jista’ jkun li kien hawn min ried inissel dubji apposta minkejja li nafu li l-ebda tabib jew ġinekologu ma tressaq il-Qorti għax ta importanza lis-saħħa tal-omm f’każ li kien hemm diffikultajiet fit-tqala, anke meta kien hemm każijiet ta’ ectopic pregnancy.

Meta klawżola ma tkunx preċiża biżżejjed u allura ma tkunx ċar din tista’ tagħti lok għall- abbuż.

L-emenda li qed iressaq il-Gvern titkellem b’mod ġeneriku; miftuħa beraħ biex tagħti lok għal miż-interpretazzjonijiet.

Jekk il-Gvern verament irid jissalvagwardja s-saħħa tal-omm mingħajr ma joħloq perikli żejda għat-tarbija fil-ġuf, irid jaghmilha cara x’ried ifisser bil-kelma ‘saħħitha’.

Skont il-World Health Organisation WHO din il-kelma tinkludi wkoll is-saħħa mentali. B’hekk id-definizzjoni skont l-emendi proposti fil-liġi jfissru li t-tmiem tat-tqala tista’ tkun permessa f’każ li xi ħadd jiċċertifika li l-omm għandha perikli ta’ saħħa mentali minħabba t-tqala tagħha?

Jekk dan ikun il-każ, dan se jkun permess f’kull stadju tat-tqala?

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-emendi tal-Gvern lanqas ma jippreċiża fid-dettall xi nfissru b’periklu gravi. Il-kelma ‘gravi’ hija vasta wisq u probabbli tista’ tiġi interpretata b’modi differenti.

Dawn l-emendi wkoll ma jsemmu xejn dwar x’jiġri jekk it-tarbija fil-ġuf tkun żviluppata biżżejjed li tkun tista’ tgħix indipendentament mill-omm.

Tarbija fil-ġuf fl-aħħar trimestru tat-tqal; ta’ sitta, seba’ u tmien xhur li għandha ċansijiet kbar li ssalva jekk tiġi mwielda, se nagħmlu minn kollox biex insalvawha wkoll?

Għaliex il-Gvern mhuwiex speċifiku f’dak li qiegħed jipproponi bħala emendi? Għaliex ma jeliminax kull dubju? Għaliex qiegħed jipproponi emendi fil-liġi li iktar se jżidu t-taħwid milli jiċċaraw l-affarijiet?Ħafna mit-tobba, il-ginekologi u l-professjonisti mediċi tul iż-żmien imxew b’reqqa kbira u b’ġudizzju qawwi u għamlu minn kollox sabiex iħarsu kemm il-ħajja tat-tarbija kif ukoll is-saħħa tal-omm.

L-emendi fil-liġi għandhom jagħmluha ċara li t-tabib ikun imħares minn kull periklu jekk u meta jħoss li għandu jieħu deċiżjoni favur il-mara. Għandhom jagħmluha ċara li l-mara tkun infurmata dwar dan. Skont riċerkaturi Amerikani, Malta għandha waħda mill-iktar rati baxxi f’imwiet ta’ nisa tqal. Fil-fatt studju fost 181 pajjiż ikklassifa lil Malta fit-tmien post bħala lanqas rata ta’ mwiet fost nisa tqal.

Dan juri l-ħidma u l-kapaċità tat-tobba tagħna. Din l-istatistika turi biċ-ċar li, f’każijiet estremi u rari meta l-omm tkun f’periklu immedjat li titlef ħajjitha, it-tobba dejjem jagħtu prijorità lill-ħajja tal-omm.

Attard Previ qalet li irridu nibqgħu nassiguraw li inqas u inqas nisa jgħaddu minn esperjenzi trawmatiċi fit-tqala tagħhom u persważa li t-tobba u l-professjonisti Maltin se jibqgħu jagħmlu minn kollox biex jassiguraw l-aqwa u l-aħjar kura għal kull mara tqila. Jekk jista’ jkun l-ebda mara u possibilment l-ebda tarbija ma tmut għax il-ħajja ta’ kulħadd hija prezzjuża.

Huwa ferm ċar li dawn l-emendi jagħtu lok għal ħafna interpretazzjonijiet differenti u wiesa’…u fl-aħħar mill-aħħar abbuż. Jekk l-intenzjoni tal-Gvern hija waħda tajba u ġenwina, il-Gvern għandu jerġa’ jmur lura u jipproponi emendi preċiżi u dettaljati li ma jħallu l-ebda lok għal xi forma ta’ ambigwità.