Lokali

It-tobba u l-Life Network ilhom sitt ijiem jistennew tweġiba għal laqgħa mal-Prim Ministru

Il-Life Network Foundation, Doctors for Life u I See Life, bħala l-koalizzjoni “Int Tista’ Ssalvani”, li qed tmexxi l-kampanja kontra l-introduzzjoni tal-Abort f’Malta, innotaw il-kummenti tal-Prim Ministru lill-midja ilbieraħ, fejn afferma li lest jiddjaloga u jisma’ lil kullħadd.

It-tlett organizzazzjonijiet, jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-Prim Ministru li fl-1 ta’ Diċembru 2022 bagħtu talba għal laqgħa miegħu biex jiddiskutu t-tħassib ta’ bosta kif espress nhar il-Ħadd li għadda fil-manifestazzjoni pubblika li għaliha attendew aktar minn 20,000 elf individwu u l-petizzjoni salvani.eu li issa hija qrib il-25,000 firmatarju.

Il-Life Network Foundation, Doctors for Life u I See Life bħala l-koalizzjoni li qed tmexxi lkampanja kontra l-introduzzjoni tal-Abort f’Malta sal-llum għada ma’ rċevietx stedina għal laqgħa.

Fl-ittra lil Robert Abela, it-tobba u l-għaqdiet kienu fakkru li l-emenda għall-Kodiċi Kriminali tiftaħ b’mod inekwivoku l-bieb għall-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

“Jekk l-emenda tal-Gvern issir liġi, l-abort ikun permess għal kwalunkwe raġuni, bil-ġustifikazzjoni li jista’ jaffettwa s-saħħa talomm “serjament” jew “gravi”, u kif ikkonfermat mid-Deputat Prim Ministru fil-Parlament li jinkludu
sitwazzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali.”

Grupp ta’ aktar minn 80 espert fil-mediċina, ix-xjenza, il-politika soċjali u tal-familja, il-filosofija, l-etika, il-psikoloġija u l-liġi kienu għamluha ċara li l-emenda mressqa mill-Gvern tiftaħ il-bieb għall-abort biex isir b’mod legali f’pajjiżna.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li huma talbu laqgħa urġenti mal-Prim Ministru; talba li saret fl-1 ta’ Diċembru u li sallum waqgħet fuq widnejn torox.