Basketball Sport

Kampjonat tal-Irġiel: Rebħa għal Starlites FIJO fl-isbaħ partita tal-istaġun

(Ritratt: Stephen Cristopher Vella)

Colin Schembri

BUPA Luxol 65

Mellieħa Libertas Spalding 79

(19-24)(18-19)(20-16)(8-20)

Mellieħa kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex jegħlbu l-isfida ta’ Bupa Luxol li żammew il-pass magħhom tul l-ewwel tlett sessjonijiet però l-aħħar sessjoni kienet f’idejn it-team ta’ Mellieħa. Luxol kellhom lura lil Stefan Cappello li tilef l-aħħar partita fil-waqt li Mellieħa kienu bil-formazzjoni kompleta tagħhom. Il-partita fetħet bl-ewwel seba’ punti ta’ Mellieħa fosthom trippla ta’ David Bugeja flimkien ma’ Robert Bonnici. L-ewwel risposta ta’ Luxol ġiet minn Tayler Mattos u Treviab Bell b’dan tal-aħħar jagħmel trippla li wasslithom sa’ punt ‘l bogħod 10-11. Mellieħa reġgħu kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Connor Zinaich u trippla ta’ Nikola Jovanovic però Bell ukoll kompla jirrispondi għal Luxol biex l-ewwel taqsima għalqet bil-Mellieħa fuq quddiem 24-19. Fit-tieni perjodu Luxol fetħu tajjeb b’run ta’ 9-2 biex għamlu l-iskor indaqs 28-28 u saħansitra fl-attakk suċċessiv marru fuq quddiem għall-ewwel darba. Zinaich u Vukassin Jandric wieġbu għal Mellieħa hekk kif bejniethom qasmu run qasira ta’ 7-2 biex daħlu jistrieħu 43-37 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Mellieħa fetħu bl-ewwel żewġ baskets però Luxol ma ċedewx u għamlu run ta’ 11-2 fosthom trippli ta’ Jean Paul Schembri u Mattos biex reġgħu naqqsu d-distakk għal punt 48-49. Mellieħa rrispondew bil-punti ta’ Bugeja, Bonnici u Zinaich biex fetħu vantaġġ ta’ 7 punti li però ġie newtralliżat minn break ta’ 7-0 mill-vjola fosthom trippla ta’ Nikola Vasovic. Qabel intemmet it-taqsima, Zinaich reġa’ poġġa lil Mellieħa fuq quddiem 59-57. Fl-aħħar sessjoni, l-partita ħadet żvolta deċisiva favur Mellieħa fejn trippla ta’ Isaac Bonnett bdietilhom run ta’ 17-4 fejn kien hemm ukoll diversi punti minn Bugeja u Zinaich. Luxol dehru maħsuda u ftit li xejn setgħu jirkupraw biex Mellieħa ħarġu rebbieħa 79-65.

Bupa Luxol: J. Garcia Cefai, N. Vasovic 5, M. Sciberras 2, T. Bell 27, N. Engelbert, JP Schembri 3, A. Trapani, L. Trapani, V. Englin, T. Mattos 23, M. Matijevic 3, S. Cappello 2.

Mellieħa Libertas: S. Zammit, M. Falzon, D. Bugeja 17, R. Bonnici 4, V. Jandric 10, I. Bonett 3, N. Bukva 4, N. Jovanovic 5, C. Ziniach 36, M. Formosa.

Referees: Bernard Vassallo, Julie Londono, Ionut Ciurariu

Starlites Fijo 106

Hibernians 99

(32-30)(20-20)(29-27)(25-22)

F’dik li tista’ titqies bħala l-isbaħ partita tal-istaġun s’issa, Starlites FIJO għelbu lil Hibernians 106-99 fejn il-partita offriet eċitament sal-aħħar ħinijiet b’diversi players jispikkaw fuq iż-żewġ naħat. Sa’ mill-ewwel sessjoni kellna ħjiel x’tip ta’ partita se naraw hekk kif fiha saru 62 punt u 40 oħra fit-tieni waħda u kien hemm konfronti nteressanti speċjalment taħt il-boards bejn Jordan Notch ta’ Starlites u Ivan Demcesen ta’ Hibs. L-ewwel taqsima fetħet bil-punti fuq iż-żewġ naħat bil-Hibs ikollhom trippla minn Luke Farrugia b’Notch u Darius George jirrispondu għal Starlites fejn fil-fatt kienu huma li għamlu l-ewwel 19 -il punt tagħhom fostom żewġ trippli li poġġewhom 19-11 minn fuq. Hibs irkupraw, u wara trippla ta’ Matthew Scerri għal Starlites, ġew lura bil-punti ta’ Demcesen, Anton Axiaq u Justin Bogle. Starlites reġgħu marru fuq quddiem bil-punti ta’ Louie Farrugia u trippla ta’ Matthew Attard biex temmew l-ewwel sessjoni 32-30 minn fuq. Għal ħin twil fit-tieni sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin anke b’diversi trippli fosthom minn Peter Shoults u Paul Attard għal Hibs u Attard u Ian Felice Pace għal Starlites. Wara li għal kważi tul is-sessjoni kollha kellna parita bejn it-timijiet, żewġ freethrows ta’ Ryan Carabott poġġew lil Starlites fuq quddiem fl-intervall 52-50.

Fit-tielet taqsima, Starlites fetħu vantaġġ ta’ sitt punti 64-58 wara trippla minn Notch però Hibs reġgħu rkupraw bi break ta’ 9-0 bil-punti ta’ Matthew Attard u Demcesen u marru minn fuq 67-64. Starlites kompelw bi tlett trippli minn Attard u tnejn minn George u għal darb’oħra ħadu vantaġġ li żammew sa’ tmiem is-sessjoni 81-77. Fl-aħħar taqsima l-partita kompliet bl-istess andament minkejja li fl-ewwel ħinijiet Starlites fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti 90-83. Bogle mexxa r-rimonta ta’ Hibs bi 8 punti konsekuttivi u reġa’ poġġijhom minn fuq 91-90. Punti fuq kull naħa ħallew lill-Pawlisti punt minn fuq 97-96 però hawn Starlites kellhom żewġ trippli deċisivi minn Attard u Scerri li tawhom vantaġġ ta’ 5 punti 102-97. Hibs ppruvaw jerġgħu jirkupraw però kellhom biss basket wieħed minn Demcesen bi Starlites jagħlqu l-partita bil-punti ta’ George u Notch biex rebħu l-partita bi skor finali ta’ 106-99.


Starlites FIJO:
A. Felice Pace 10, M. Attard 15, I. Felice Pace 3, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 12, R. Carabott 4, L. Farrugia 4, N. Sultana, D. George 30, J. Notch 28.

Hibernians: N. Cassar, P. Attard 3, G. Cassar, L. Farrugia 5, L. Borg, A. Axiaq 9, M. Fall, M. Attard 11, J. Bogle 31, I. Demcesen 37, P. Shoults 3.

Referees: Daniella Torok, Florentina Ciurariu, Nicky Azzopardi

Depiro 85

Gżira Athleta 68

(23-8)(27-23)(13-20)(22-17)

Depiro kisbu rebħa mportanti kontra Gżira Athleta 85-68 fil-partita li għalqet l-ewwel round tal-kampjonat BOV li issa jieħu pawsa għal-logħob tan-Knock Out bil-prelimnari tal-Ħamis u s-semi-finali tal-Ħadd. B’din ir-rebħa, Depiro telgħu b’erba’ punti, wieħed fuq Hibs u tnejn taħt Luxol fil-waqt li Athleta baqgħu fit-tielet post b’seba’ punti. Starlites jibqgħu fl-ewwel post b’10 punti u Mellieħa warajhom b’disgħa. Athleta jinsabu mill-ġdid bi player Amerikan wieħed hekk kif neħħew lil Jalen King u kellhom nieqes ukoll lil Billy Zammit. Depiro approfittaw minn dawn in-nuqqasijiet speċjalment b’bidu tajjeb fl-ewwel taqsima fejn bnew vantaġġ ta’ 15 -il punt. Fl-ewwel ħinijiet tal-partita kien hemm bilanċ fejn wara li Depiro fetħu bi trippla ta’ Cameron Cornelius u l-punti ta’ Kameron Rooks, Athleta kellhom risposta minn Roland Griffen, Nathan Xuereb u Francesco Mifsud Bonnici. Dawn però kienu l-aħħar punti għall-Athleta fis-sessjoni hekk kif Depiro għamlu 14 -il punt mingħajr risposta bi trippli minn Miguel Brincat u Cornelius għal skor ta’ 23-8. Athleta ppruvaw jirkupraw fil-bidu tat-tieni sessjoni fosthom b’żewġ trippli minn Griffen però Depiro malajr irrispondew bil-punti ta’ Rooks u trippla ta’ Andrew Aquilina għal skor ta’ 32-14. Athleta kellhom mument ieħor tajjeb b’run ta’ 12-3 li però xorta ħalliethom disa’ punti taħt l-avversarji 26-35. Depiro rkupraw bil-punti ta’ Sean Galea u għalqu s-sessjoni b’żewġ trippli konsekuttivi minn Aquilina u Nicholas Grech għal skor ta’ 50-31.

Wara l-intervall, Athleta tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita u fost l-oħrajn kellhom run ta’ 11-3 b’punti minn Xuereb, Luca Stefanovic u Griffen. Wara li Cornelius u Rooks wieġbu għal Depiro, Athleta tilfu lil coach Joe Galea b’żewġ technical fouls u u Depiro għalqu t-taqsima 12 minn fuq 63-51. Fl-aħħar sessjoni reġgħu kienu Depiro li fetħu tajjeb b’run ta’ 14-4 bi trippli ta’ Cornelius u Rooks. Athleta kienu ‘l bogħod mill-avversarji minkejja li għalqu l-partita bi break ta’ 11-2 li serva biss biex għamlu l-iskor aktar rispettabbli hekk kif Depiro ħarġu rebbieħa 85-68.


Depiro:
J. Flagel, S. Galea 10, D. Camilleri, A. Aquilina 6, N. Grech 5, S. Kenely, K. Rooks 26, M. Brincat 6, M. Mallia, C. Cornelius 32, J. Micallef, M. Debattista.

Gżira Athleta: F. Mifsud Bonnici 8, N. Buhagiar, L. Stefanovic 8, J. Ellul Dowling, N. Xuereb 11, R. Griffin 32, I. Xuereb 4, S. Vincic 3, R. Abela 2.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono, Ivica Simic