Lokali Parlament

L-emenda ma tirrispettax il-ħsieb oriġinali tal-liġi

Darren Carabott, PN

Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-iskop tal-liġi dwar l-introduzzjoni tal-abort suppost kien li tirregolarizza dak li diġà qed isir fl-isptarijiet u mhux li jkunu introdotti emendi ġodda.

Hu qal fil-parlament li l-gvern qed jagħmel distinzjoni bejn dak li qed jgħid u dak li qed jippreżenta u sostna li d-deputat Laburista Rosianne Cutajar u l-MEP Laburista Cyrus Engerer ammettew li l-abbozz jintroduċi l-abort.

Fil-liġi hemm nuqqas ta’ ċertezza legali, sostna Darren Carabott, li kompla li hemm ukoll konfużjoni sħiħa. Hu fakkar kif 81 akkademiku ddikjaraw li l-gvern qed jintroduċu l-abort, l-Assoċjazzjoni Medika sostniet li din il-liġi se toħloq iktar problemi u l-Professur Kevin Aquilina ddikjara li l-liġi se ddaħħal l-abort.

Dawn kollha kkonfermaw il-pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni. L-Imħallef Giovanna Bonello wkoll iddikjara li l-liġi s’issa qatt ma kienet ikkunsidrata b’mod li din hi reat. Tkellmet ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li wkoll iddikjarat li l-liġi mhix ċara. Hemm ukoll 450 tabib u 44 għaqda volontarja li ħarġu jikkritikaw il-pożizzjoni li qed jieħu l-gvern.