L-ex Ministru Laburista tal-Finanzi Edward Scicluna kkonferma quddiem il-Kontijiet għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li ma kinx involut fil-kitchen cabinet li ddeċieda dwar il-power station tal-Electrogas.
Il-PAC illum kompla jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Electrogas.
Għall-Gvern ipparteċipaw id-deputati Laburisti Andy Ellul, Glen Bedingfield, Alex Muscat u Clayton Bartolo waqt li għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti u President tal-Kumitat Darren Carabott, Jerome Caruana Cilia u Rebekah Borg.
Il-President tal-Kumitat Darren Carabott staqsa kif meta Edward Scicluna xehed fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien qal li fil-gvern ta’ Joseph Muscat kien hemm kitchen cabinet u kien kritiku dwar in-nuqqas ta’ involviment tiegħu fl-Electrogas.
Edward Scicluna qal li kitchen cabinet jeżisti f’kull gvern fejn il-kabinet jiltaqa’ regolarment iżda l-Prim Ministru jkollu grupp iktar viċin u intimu li jikkonsulta miegħu.
Hu qal li dejjem kellu kuntatt mill-qrib mal-Prim Ministru (Joseph Muscat) iżda qatt ma kien f’dak il-grupp li l-Prim Ministru kien jikkonsulta, “forsi minħabba l-età”.
L-ex Ministru tal-Finanzi żied li d-deċiżjoni li l-Gvern Laburista jmur għal soluzzjoni tal-enerġija bil-gass ittieħdet qabel l-elezzjoni tal-2013. Hu qal li jiftakar li kien talab lil Joseph Muscat biex ikun jaf xi workings li sarulu u kienet saritliu preżentazzjoni minn espert Ingliż. L-ex Ministru tal-Finanzi qal li ma kinx parti mill-kitchen cabinet.
Edward Scicluna sostna li l-gvern ħareġ offerta għal dawk interessati biex iforni l-elettriku u żied li hu kien jaf li ħarġet espressjoni ta’ interess. L-ex Ministru Laburista qal li d-deputati Laburisti kienu jafu li se ssir bidla kbria fl-enerġija u sostna li hu ried jara l-workings.
Mistoqsi dwar il-qrubija bejn Joseph Muscat Keih Schembri flimkien ma’ Konrad Mizzi, Edwrad Scicluna hu qal li hu mistenni li dawn ikunu involuti f’dan il-proġett u sostna li hu ma kinx involut minkejja li kien Ministru tal-Finanzi.
Għal kjarifika li l-ex Ministru Scicluna kien xehed fl-inkjesta li kien iħossu eskluż minkejja li kellu l-esperjenza, l-ex Ministru Laburista qal li quddiem l-inkjesta kien tkellem b’mod ġenerali.
Edward Scicluna sab diffikultà li jikkonferma dak li hu stess xehed fl-inkjesta u qal li ‘l-coach jiddeċiedi min joqgħod quddiem u min joqgħod wara….trid tobdi’. L-ex Ministru Scicluna ma weġibx jekk jaħsibx li fuq l-Electrogas ħamel ‘a good job’ u sostna li idealment il-gvern kellu jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tagħti l-opinjoni tagħha. Hu irrifjuta li jiddikjara li Konrad Mizzi ‘għamel a good job’ fuq il-power station.
L-ex Ministru Laburista kompla li kien isir rapport verbal ta’ spiss fil-kabinett mill-ministru (Konrad Mizzi) dwar ix-xogħol iżda d-dettalji ġibthom mir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
S’hemmhekk kont involut jien, sostna l-ex Ministru tal-Finanzi, li kompla jagħmel il-paraguni mal-football meta ‘player ikun jixtieq ikun quddiem biex jiskorja’. Hu qal li l-coach irid iwieġeb dwar għaliex player tħalla riserva u kompla li hu kellu esperjenza x’joffri. L-inkjesta (dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Gaizia) kellha element politiku qawwi, sostna l-ex Ministru tal-Finanzi, li ma weġibx jekk hu tħalliex barra mill-kitchen cabinet għaliex kieku ra xi ħaġa ħażina kien jitkellem.
L-ex ministru Laburista sostna li ma kienx involut u ħadd ma talbu pariri dwar l-impjant tal-power station. Mistoqsi jikkonferma li hu kien qal li Konrad Mizzi kien nieqes mit-trasparenza, Edward Scicluna qal li dan il-kliem qalu fil-kuntest tal-garanzija u dwar dibattitu jekk ikunx hemm konferenza tal-aħbarijiet.
Hu qal li hu ried li l-garanzija kellha tkun pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern u kien ikkonvinċih li ssir konferenza tal-aħbarijiet. ‘Le ma niftakarx!’, insista Edward Scicluna, li jinsab kurjuż meta din intqalet u f’liema kuntest.
Mistoqsi dwar id-dikjarazjoni tiegħu fl-inkjesta li hu kien qal li talab għar-riżenja ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, l-ex Ministru Edward Sciclina qal li dan kien għamlu fil-kuntest tal-Panama Papers.
Dwar il-viċinanzi tiegħu mal-ħidma tal-FIAU, Edward Scicluna qal li d-Direttur Manfred Galdes kien jaġġornah dwar kemm kien hemm bżonn ta’ persuni iżda qatt ma kien jidħol fl-investigazzjonijiet. Mistoqsi jekk ir-riżenja tad-Direttur tal-FIAU Manfred Galdes kinitx marbuta mal-Electrogas, Edward Galdes qal li ma kien irċeva l-ebda raġuni għar-riżenja ta’ Galdes.
Dwar it-taxxa ta’ €40 miljun maħfura lill-Electrogas, l-ex Ministru tal-Finanzi qal li d-deċiżjoni tiegħu kienet li din it-taxxa kellha tibqa’ tinġabar. Dwar il-ftehim mas-Socar, l-ex Ministru Laburista qal li ma kienx informat iżda ma jeskluidx. Hu qal li d-deċiżjoni tal-garanzija tal-BOV kienet tal-kabinet.
Il-PAC kien aġġornat għall-14 ta’ Diċembru 2022 fejn se jixhdu Mark Gasan u Ray Fenech.
//= $special ?>