Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni se twaqqaf working group dwar id-diabete

Claudette Buttigieg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li minn Jannar li ġej l-Oppożizzjoni se twaqqaf working group dwar id-diabete.

Fl-Aġġornament tal-parlament Claudette Buttigieg qalet li bejn 40,000 u 50,000 persuna jbatu mid-diabete u sostniet l-gvern jibqa’ ma jridx iwaqqaf il-Kumitat Parlamentari għad-Diabete fi ħdan il-Kumitat għas-Saħħa.

Dan juri li l-gvern m’għandux is-sensittività neċessarja għal dawn il-persuni. Bejn l-2013 u l-2017 kien twaqqaf grupp informali fuq id-diabete fil-parlament u bejn l-2017 u l-2002 kien hemm is-sotto-kumitat dwar id-diabate iżda llum minkejja li hemm problema serja, il-gvern iddeċieda mod ieħor.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-gvern ma tax il-permess biex isir kumitat uffiċjali u qed jirrifjuta li juża waħda mill-kmamar tal-kumitati jiltaqa’ dan il-working group biex il-laqgħat ikunu jistgħu jixxandru. Hi sostniet li se tintuża l-Kamra tal-Oppożizzjoni u l-working group se jiltaqa’ hemm fejn il-membri tal-gvern se jkunu jistgħu jattendu u jkunu parti minn dan il-working group.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li dan il-kumitat għamel ħafna ġid tant li parti minn dan ix-xogħol spiċċat fl-istrateġija nazzjonali għad-diabete.

Il-laqgħat se jibdew isiru minn Jannar li ġej u għalihom se jkunu mistiedna d-deputati kollha. Se jkun hemm ukoll esperti li jiddiskuti flimkien mar-rappreżentati tal-pazjenti.

Claudette Buttigieg qalet li t-tifla tagħha għandha din il-kundizzjoni u sostniet li kien hawn nuqqas serju ta’ insulina għax il-gvern m’ordnax l-insulina. Din hi kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, sostniet id-deputat Nazzjonalista.