L-awtoritajiet fl-Ukrajna qegħdin jaqilbu b’urġenza għall-proċessi ta’ shutdown biex jistabbilizzaw in-network tad-dawl u wara li l-faċilitajiet u l-istallazzjonijiet mill-ġdid spiċċaw mira għall-missili tar-Russja.
Il-Kremlin ta’ Moska, wara li ma wasal kważi mkien fuq il-kampijiet tal-battalja, qed jagħmel li jista’ biex ikisser il-moral tal-poplu Ukren permezz ta’ dawn l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-enerġija li anki ssarrfu f’diversi ċivili maqtula.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakki qed jaffettwaw lil diversi reġjuni u li nofs ir-reġjun ta’ Kiev, il-belt kapitali tal-Ukrajna, għandu jibqa’ mingħajr dawl għall-jiem li ġejjin.
Il-missili tar-Russi, fl-aħħar sigħat, laqtu wkoll lill-infrastruttura kritika għall-provvista tad-dawl viċin il-belt Ukrena ta’ Zaporizhzhia.
Madankollu hemm indikazzjonijiet li l-gwerra tista’ qed tinfirex lejn xi bnadi tar-Russja, bil-Gvernatur tar-reġjun ta’ Kursk, Roman Starovoyt, jiżvela dettalji dwar attakk bi drone fuq mitjar u li fih ħa n-nar wieħed mit-tankijiet għall-ħażna tal-fuel. Filwaqt li l-attakk ma kkaġunax vittmi, l-awtoritajiet lokali deċidew li jagħlqu temporanjament żewġ skejjel f’dik iz-zona. Ir-Russja mhix tiżvela l-identità tal-entità responsabbli mill-attakk f’reġjun li jmiss mal-Ukrajna.
Sadanittant, il-Ministeru għall-Enerġija fl-Ukrajna qed jittama li jibbilanċja d-defiċit tad-dawl ikkaġunat mill-attakki tar-Russi u b’tali mod li jibdew jiffunzjonaw mill-ġdid il-power stations nukleari.
Iżda s-sitwazzjoni saret iddisprata għal miljuni ta’ Ukreni li spiċċaw mingħajr elettriku u ilma fost l-inżul tal-borra f’diversi reġjuni tal-Ukrajna maħkumin mit-temperaturi taħt iz-zero. Dan fost il-biża’ li ammont sinifikanti ta’ ċivili Ukreni kapaċi jmutu mill-effetti tal-kesħa, inkluża l-hypothermia.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky qal li l-qawwiet tad-difiża Ukreni rnexxielhom ‘jeliminaw’ għexieren ta’ missili tar-Russja qabel dawn laħqu laqtu lill-miri speċifikati.
Intant, saru xorta ammont kbir ta’ shutdowns tas-servizzi tad-dawl fir-reġjuni ta’ Vinnytsia, Kiev, Zhytomyr, Dnipropetrovsk, Odessa, Khmelnytskyi u Cherkasy, bl-awtoritajiet qed jagħmlu l-almu biex jirristawraw l-istabbilità.
Jidher li l-attakki tar-Russi affettwaw anki lill-provvisti tal-elettriku fil-Moldova – ġar tar-Russja u l-Ukrajna – b’Zelensky itenni li l-azzjonijiet ta’ Moska mhux talli huma theddida għall-poplu Ukren iżda anki għall-Istati ġirien taz-zona.
//= $special ?>

