Lokali

Il-Gvern se jkompli jwebbes rasu fuq il-kontijiet, il-PN se jmexxi bil-kawża kollettiva li nieda

Id-dibattitu tal-bieraħ fil-Parlament kien l-aħħar ċans li l-Gvern jagħmel ġustizzja ma’ dawk kollha li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. U fid-dawl tal-għażla tal-Gvern li jibqa’ jwebbes rasu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jipproċedi bil-kawża kollettiva fil-Qorti, li tħabbret xi ġimgħat ilu.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut wara d-diskussjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista biex ikunu emendati l-Avviżi Legali li ressaq il-Gvern biex ikun ikkoreġut is-serq mill-kontijiet, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinsisti li minflok ma l-korrezzjoni tkun effettiva mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, kif jgħid l-Avviż Legali, tkun effettiva mill-1 ta’ Jannar 2014 meta n-nies fil-fatt bdew jirċievu l-kontijiet attwali ta’ kull xahrejn.

Fil-Mozzjoni, il-Parlament staqsa jekk irridux li n-nies jieħdu lura l-flus kollha li nsterqu, iżda f’siegħa u kwart ta’ diskorsi, il-Gvern għażel biss li jattakka, kultant b’mod personali u b’gideb li l-Labour ilu jgħid sa minn qabel l-2013. Il-Gvern ta’ Robert Abela għażel li jerġa’ jitfa’ t-tajn, anke fuq stejjer li ġew investigati u li mill-investigazzjonijiet irriżulta li ma kien hemm xejn milli vvinta l-Labour. Minflok, il-membri tal-Gvern għażlu li jkomplu jġibu kull skuża u jwaħħlu f’ta’ qabilhom għal dan is-serq.

F’siegħa u kwart, il-membri tal-Gvern ikkonfermaw li n-nies insterqu, iżda ma taw l-ebda raġuni għaliex se jivvutaw kontra u għaliex se jagħżlu li n-nies ma jieħdux flushom lura.

Il-Partit Nazzjonalista stieden lill-Gvern ta’ Robert Abela biex, jekk irid ikun konsistenti ma’ dak li qed jgħid, minflok ma jivvota kontra l-Mozzjoni, iressaq emenda li minnha n-nies igawdu aktar, bil-Partit Nazzjonalista lest jivvota favur dik l-emenda ħalli din il-Mozzjoni tingħadda b’mod unanimu.

Il-Partit Nazzjonalista mhux interessat f’piki u partiġġjaniżmu, iżda li ssir ġustizzja u li n-nies jieħdu flushom lura. Għax jekk il-Labour qed jgħid li din is-sistema ilha tintuża’ mill-2009, imur lura sal-2009 u jippubblika kemm hemm flus x’jingħataw lura għal kull sena minn dak iż-żmien sal-lum ħalli l-poplu jkun jaf kemm hu veru li s-serq ilu għaddej minn qabel.

Iżda din l-istedina, il-Gvern ma laqagħhiex u minflok, għażel li jwebbes rasu. Għaldaqstant, il-Gvern awtomatikament ammetta li dawn kienu biss skużi u li mhux veru li s-serq beda mill-2009, u għażel il-pika u t-tribaliżmu minflok li ssir ġustizzja mal-Maltin u l-Għawdxin.

Quddiem dan kollu, il-kelliem qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti ċans lil dawk li għadhom ma rreġistrawx biex ikunu parti mill-kawża kollettiva fil-Qorti, u jingħataw iċ-ċans jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt, biex jagħmlu dan sal-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru mis-sit elettroniku kontijiet.com jew billi jwasslu d-dettalji tagħhom fid-Dar Ċentrali