Lokali Qorti

Mixli li hedded li jispara fuq negozjant

Raġel li qal li ppreżenta diversi rapporti lill-pulizija kontra n-negozjant Frankie Grima, fuq allegat theddid ripetut – inkluż inċident li fih Grima ta daqqa ta’ ponn f’wiċċ martu ġie akkużat hu stess wara li ċempel lill-pulizija biex jilmenta min-nuqqas ta’ azzjoni u jistaqsi jekk għandux jispara lil Grima jekk jer[a’ għamel l-istess.

Joseph Manuel Galea, residenti l-Mellieħa deher f’kawża tad-distrett quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, akkużat b’użu ħażin ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni u li kiser il-liċenzja tal-armi tan-nar.

Iż-żewġt irġiel huma proprjetarji ta’ boathouses ħdejn l-Armier u huwa mifhum li għandhom nuqqas ta’ qbil kontinwu dwar il-bini li sar minn Grima ta’ terrazzin estern quddiem il-boathouse tiegħu. Galea huwa mifhum ukoll li ppreżenta numru ta’ rapporti tal-pulizija fil-konfront ta’ Grima u li wħud minn dawn huma s-suġġett ta’ proċeduri fil-qorti li għadhom għaddejjin.

Filmati tas-CCTV u awdjo rrekordjati mill-cameras tas-sigurtà ta’ Galea, datati 12 ta’ Awwissu, juru lil Grima jħabbat irrabjat mal-bieb tad-boathouse ta’ Galea, jidgħi u jgħajjat u jgħid il-kliem “oħroġ ħalli nqatagħkom.”

Filmati oħra, datati l-1 ta’ Novembru, juru lill-istess raġel jerġa’ jħabbat mal-bieb u mbagħad jagħti daqqa ta’ ponn f’wiċċ mara wara li fetħet il-bieb. Galea spjega li l-mara fil-filmat hija martu u li f’dik l-okkażjoni, Grima kien akkużahom li serqulu l-kelb.

Aktar tard irriżulta li l-klieb kien fid-dar ta’ Grima, qal. Għalkemm Grima qed jiffaċċja wkoll proċeduri kriminali separati b’rabta ma’ wħud mir-rapporti tal-pulizija li kien ippreżenta Galea, l-avukat ta’ Galea jgħid li għad hemm aktar akkużi li għad iridu jitressqu.

Madankollu kien Galea li llum deher quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, fid-dawl tal-aħħar konverżazzjoni bil-mobile mal-kamra tal-kontroll tal-pulizija, li matulha lmenta li ma ttieħdu l-ebda miżuri biex jipproteġu s-sigurtà tiegħu. “Xi tridni nagħmel jekk jerġa’ jiġi għalija? Nisparalu?”

B’riżultat ta’ dik l-istqarrija, qal, il-pulizija kienet wettqet tfittxija fil-boathouse tiegħu biex issib is-snieter reġistrati f’ismu. Galea jgħid li kien qal lill-uffiċjali li kienu qed jagħmlu t-tfittxija li l-arma tan-nar kienet maħżuna fid-dar tiegħu fil-Mellieħa, minn fejn aktar tard ġiet irkuprata.

Galea ġie mixli li għamel użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku tat-telekomunikazzjoni u li kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tiegħu tal-armi tan-nar. Spettur tal-pulizija llum qal lill-qorti li r-raġel kien “ċempel l-għassa tal-pulizija u hedded li jispara lil Grima, li għal din is-seduta ma kienx preżenti fil-Qorti.

Rappreżentanta mill-Uffiċċju tal-Armi tal-Pulizija qalet lill-Qorti li hija fittxet in-numru tal-karta tal-identità tal-akkużat fuq id-database tal-armi tal-pulizija u skopriet li Galea ma kienx ħallas il-liċenzja tiegħu għal żewġ armi tan-nar – waħda minnhom shotgun, li kienet irrapporta misruqa fl-2009 u shotgun oħra li aktar tard kien xtara u sussegwentement ħalla tiskadi l-liċenzja tagħa.

Is-shotgun ġiet esebita fil-qorti. L-avukat difensur ta’ Galea, Arthur Azzopardi, qal lill-Qorti li r-recording tat-telefonata tal-klijent tiegħu fil-kamra tal-kontroll tal-pulizija kienet ġiet esebita fl-atti, fejn talab lill-qorti tipprovdilu kopja.

Il-każ ġie differit għal Jannar, għall-esebizzjoni tat-telefonata ta’ Galea u biex rappreżentanti tal-fornituri lokali tas-servizz tat-telefonija mobbli jikkonfermaw in-numru li minnu oriġinat it-telefonata kien tal-akkużat.