Lokali

Qasma fil-Kabinett tal-Gvern dwar id-dħul tal-abort

Owen Bonnici ma jaqbilx, Miriam Dalli ma tikkummentax u Clayton Bartolo fommu sieket. Hija din il-qasma evidenti li hemm bħalissa fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela – qasma li ġabha huwa stess meta imbotta il-liġi li se ddaħħal l-abort f’pajjiżna.

Il-Ministru Owen Bonnici, meta mistoqsi minn Net News, għamilha ċara li ma jaqbilx mal-abort… Il-Ministru Miriam Dalli għażlet li ma tikkummentax, u ħarbet din id-domanda b’dan il-mos… Filwaqt li Clayton Bartolo stqarr li l-opinjoni tieghu “irrilevanti”.

Dan kollu qed ikompli joħloq konfużjoni sħiħa u qasma fost id-Deputati Laburisti… bil-Prim Ministru f’nifs wieħed jghid illi lest jiddiskuti …u fl-istess waqt baqa’ jżomm pożizzjoni iebsa, fejn stqarr li l-liġi kif inhi hi “ċarissima”.

U għalkemm Owen Bonnici qalilna li hu kontra l-abort, xorta waħda baqa’ jiddefendi l-emenda fil-liġi li qed iressaq il-Gvern tiegħu stess u li se ddaħħal l-abort f’pajjiżna…bil-Ministru ma jagħmel ebda referenza għat-tarbija fil-ġuf.

Mistoqsi jekk il-Gvern ikkonsultax mat-tobba dwar din l-emenda… Bonnici farfar fuq il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Nhar il-Ħadd li għadda eluf ta’ persuni nġabru għal proteseta li saret fil-Belt Valletta kontra l-abort u favur il-ħajja…fejn bosta professjonisti, akkademici u tobba qed isostnu li din l-emenda li qed iressaq il-Gvern se twitti t-triq biex jidħol l-abort f’pajjiżna. Dan filwaqt li l-PN qed iżomm pożizzjoni ċara kontra l-abort.