Lokali Qorti

Albaniż mixli b’serq ta’ aktar minn €300,000 f’ġojjelli akkużat bi ġlied fil-ħabs

Raġel li qed jiffaċċja akkużi dwar “hold up” bl-armi f’ħanut tal-ġojjellerija f’Tigné, tas-Sliema – ħames snin ilu deher il-Qorti biex jiffaċċja akkużi relatati ma’ ġlieda fil-ħabs. Begtash Muka, ċittadin Albaniż ta’ 31 sena, ingħata l-libertà proviżorja f’Diċembru 2020 waqt li kien għaddej minn proċeduri relatati ma’ serqa massiva fil-ħanut Diamonds International fi Pjazza Tigné, allegatament imwettqa flimkien ma’ ħuh.

Allegatament din is-serqa kienet tammonta għal aktar minn €300,000 f’ġojjelli. Daniel Muka, ħu Begtash qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ qtil f’każ mhux relatat meta kienu nqatlu żewġ persuni f’Tas-Sliema. Iżda qabel ma ngħata l-libertà proviżorja, Begtask Muka allegatament kien involut fi konfront vjolenti ma’ priġunier ieħor ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-26 ta’ Jannar 2020.

Erba’ uffiċjali tal-ħabs xehdu dwar dak l-inċident, fejn fakkru fil-“kommossjoni” li nqalgħet fiż-żona t’isfel ġewwa waħda mid-diviżjonijiet tal-ħabs. Wieħed mill-uffiċjali qal li l-ewwel lemaħ il-“konfużjoni” fuq il-moniters tal-cameras tas-sigurtà u immedjatament niżel.

Imma meta wasal hemm, il-ġlieda kienet spiċċat. Priġunieri oħra kienu daħlu biex iwaqqfu l-konfront, li jidher li kien jinvolvi lil Muka u priġunier ieħor, Silvan Cilia, kien spiċċa b’wiċċu mimli demm. Muka kien maqful lura fiċ-ċella tiegħu filwaqt li l-priġunier l-ieħor kien akkumpanjat fil-klinika medika tal-ħabs biex jingħata l-kura għall-ġrieħi li ġarrab.

Xhud ieħor qal li l-ewwel kien innota dan kollu permezz ta’ ‘perspex screen’ waqt li kien fil-kamra tal-gwardjani fil-pjan terran. Hu wkoll kien mar malajr jiċċekkja x’ġara, u qal li kien hemm tliet persuni involuti fil-ġlied. Meta mistoqsi dwar it-tielet persuna, ix-xhud qal li ma jiftakarx ismu.

Uffiċjal ieħor fakkar li meta faqqa’ l-“pandemonju” hu u sħabu ġrew fuq il-post, u sabu lil Cilia bid-demm fuq wiċċu. “Int għedt li kien hemm ħafna ħabsin. Għaliex kont tiffoka fuq dawn it-tnejn?” staqsa l-avukat ta’ Muka, Daniel Attard. “Għax tista’ tinnota li kien hemm xi ħaġa bejn dawk it-tnejn,” wieġeb l-uffiċjal.

L-aħħar xhud li kien intervjena wkoll wara li ħass il-kommossjoni fuq in-naħa l-oħra tad-diviżjoni, qal li l-ġlieda kienet spiċċat meta wasal hemm. Il-priġunier ferut kien qed jerġa’ jqum fuq saqajh, mimli demm f’wiċċu. Waqt li skorta lir-raġel fejn il-kamra tal-medikazzjoni, staqsa lill-uffiċjal, “rajthom?”

“Allura seta’ kien hemm aktar minn aggressur wieħed?” staqsiet id-difiża. “Jistaʼ jkun,” wieġeb ix-xhud. Iżda l-uffiċjal kien qal lill-allegat vittma li meta wasal fuq il-post, il-ġlieda kienet spiċċat. Il-każ ikompli f’Jannar. L-Ispettur Sarah Zerafa qed tmexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukat Daniel Attard qed jidher għall-akkużat.