Sport Sport Ieħor

Bowling: Matthew Magro jikser ir-rekord nazzjonali għall-aqwa serje ta’ 12-il logħba

Waqt il-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-aħħar kompetizzjoni tas-sena organizzata mill-Malta Bowling Association (MBA), il-Platinum Cup, żgħażugħ iż-żagżugħ ta’ 21 sena, Matthew Magro, kiser record nazzjonali meta lesta s-serje tiegħu bi skor totali ta’ 2764 u b’punteġġ medju ta’ 230.33.

Din intlagħbet fuq żewġ serje ta’ sitt logħbiet li ntlagħbu fuq jumejn. L-ewwel blokk ta’ logħob ra lil Magro jikseb is-16-il aqwa serje fl-istorja tal-MBA wara li lesta l-ewwel nofs bi skor ta’ 1408, punteġġ medju ta’ 234.67. L-għada, waqt it-tieni blokk tal-fażi tal-kwalifikazzjoni, Magro kiseb 1356 punti, punteġġ medju ta’ 226, biex kiseb dan ir-rekord nazzjonali u kkwalifika għall-finali tal-Platinum Cup fl-ewwel post. Il-punteġġ ta’ 1356 ukoll ġie irreġistrat fir-rekords tal-MBA fost l-aqwa tletin serje ta’ 6 logħbiet fl-istorja tal-assoċjazzoni.

Ir-rekord preċedenti ta’ 2753, punteġġ medju ta’ 229.42 minn Mark Spiteri, ġie maqbuż wara iktar minn erba’ snin. Spiteri kien kiseb ir-rekord nazzjonali tiegħu waqt in-National Seniors Championships fil-bidu t’Ottubru 2018.