Lokali Qorti

Fuq €50,000 f’kumpens għaż-żewġ terzi tas-sidien tal-każin tal-PL f’Ħal Qormi

L-Avukat tal-Istat ġie ordnat iħallas mit-taxxi tal-poplu kumpens ta’ €50,000 bħala danni pekunjarji u s-somma ta’ €500 bħala danni mhux pekunjarji lill-familja li hija sid ta’ żewġ terzi tal-propjetà minn fejn jopera l-każin Laburista ta’ Ħal Qormi. Dan wara li ġie stabbilit li għal aktar minn 70 sena, s-sidien ġew privi milli jgawdu l-propjetà tagħhom. U dan meta l-kera li qed titħallas fil-preżent hija waħda baxxa ħafna.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha qalet li l-kumpens irid jingħata bl-imgħaxijiet legali ta’ 8% fis-sena mid-data tas-sentenza sad-data tal-pagament effettiv. Dan wara li l-istess Qorti preseduta mill-Imħallef Grazio Merceica iddikjarat li ġew miksura d-drittijiet fondamentali ta’ numru ta’ familjari għat-tgawdija tal-proprjetà tagħhom. Il-kawża kontra l-Avukat tal-Istat saret minn numru ta’ persuni li jiġu minn xulxin u xi eredi minn tagħhom fejn huwa l-każ.

Il-Qorti qalet li għadu jeżisti sproporzjon qawwi bejn dawn li kienu jirċievu f’kera u dak li trendi l-propjetà fis-suq fejn din mhijiex waħda adegata, raġonevoli u ġusta. Fid-19 ta’ Settembru 1949 l-awturi (il-familjari) akkwistaw il-fond 137, Triq San Bartolomew, Ħal Qormi u b’kuntratt tal-15 ta’ Frar 1951 l-istess awturi – Francesco, Paolo u Carmelo aħwa Mizzi ikkonċedew dan il-fond b’titolu ta’ kera lil George Sciberras, Joseph Benedetto Scerri u Emmanuel Gatt “fil-kwalita’ tagħhom ta’ President, Segretarju u Kaxxier rispettivament fil-Kumitat Lokali ta’ Ħal Qormi f’isem il-Malta Labour Party.

Dan taħt il-premessa li dan il-lokal jintuża’ bħala ħanut jew negozju iżda l-aħwa Mizzi ippromettew u obbligaw ruħhom li jagħtu l-fakoltà lill-uffiċjali tal-MLP (PL) li jużaw il-post mhux biss bħala ħanut iżda ukoll għal kull skop ieħor. Oriġinarjament il-kirja li bdiet titħallas kienet dik ta’ Lm65 fis-sena u din telgħet għal LM85, ekwivalenti għal €197.04ċ.

Il-familja huma sidien ta’ żewġ terzi tal-propjetà u ko-propjetarji flimkien ma’ oħrajn li m kienux parti fil-kawża. Permezz tal-azzjoni li ħadu huma lmentaw li l-ammont ta’ kera mħallas huwa wieħed baxx u l-fatt li m’hemmx
dispożizzjonijiet li jippermettu r-reviżjoni tal-kera u t-terminazzjoni tagħha sabiex ikun hemm leżjoni għad-dritt għat-tgawdija tal-proprjetà privata tagħhom bi ksur tal-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni u l-Ewwel Artikolu tal-Ewwel
Protokoll tal-Konvenzjoni.

Il-Qorti qalet li bil-kontinwazzjoni tal-ħlas tal-kera flammont ta’ €197.04 li ġie stabbilit permezz ta’ kuntratt fis-sena fl-1951, kif ukoll fin-nuqqas ta’ disposizzjonijiet legali li jintitolaw lill-familja sabiex jirrevedu l-istess kera u li jitterminaw il-kirja fi żmien stabbilit, ġew leżi d-drittijiet fundamentali tagħhom – billi ġew imċaħħda mit-tgawdija ta’ ġidhom mingħajr ħlas ta’ kumpens xieraq bi ksur tal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu bejn is-sena 1987 sal-lum.

Il-Qorti laqgħet it-talba tas-sidien ta’ żewġ terzi tal-propjetà u iddikjarat illi bl-inklużjoni tar-regolamenti tal-2014, skond il-liġi inkiser id-dritt fondamentali tal-familja għat-tgawdija tal-proprjeta peress li xorta għadu jesżisti spropozjon qawwi bejn dak li kienu qed jirċievu u dak li qed trendi l-propjetà illum, fejn biss biss minn negozju tal-bar qed isir qliegħ qawwi ta’ flus għall-każin, minn fuq dahar il-propjetarji.