Lokali

“Għalfejn il-gvern mgħaġġel biex idaħħal l-abort?” – Ivan Grixti, eks-Kandidat Laburista għall-MEPs

Il-buonsens għandu joħroġ rebbieħ.

Sostna dan l-eks kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew, Ivan Grixti f’artiklu fil-ġurnal The Malta Independent fejn saħaq li l-protesta tal-Ħadd ma kinitx motivata politikament, iżda wriet dak li veru għandu għal qalbu l-poplu Malti u Għawdxi – il-ħajja.

Grixti stqarr li sa minn ċkunitu kien sostenitur tal-Partit Laburista, iżda issa ma setgħax jibqa’ fil-muta u ma jagħtix il-kontribut tiegħu f’dan id-dibattitu nazzjonali.

Huwa saħaq li mhux għażla li ma jgħid xejn, speċjalment meta fl-2020 ħareġ għonqu huwa stess għal Robert Abela meta kien ikkandida ruħu bħala suċċessur ta’ Joseph Muscat.

Grixti sostna li huwa minnu li legalment hemm bżonn li jsir xi ħaġa sabiex jiġu protetti l-ommijiet u t-tobba iżda mhux qed jifhem l-urġenza li ġiet ispirata mill-każ ta’ Andrea Prudente. Hu staqsa jekk din l-urġenza hux mnebbħa mill-fatt li fix-xhur li ġejjin tibda t-tiġrija lejn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Għalhekk huwa staqsa għalfejn il-Gvern ma jixtieqx iniedi kampanja informattiva dwar is-suġġett sabiex eventwalment iċ-ċittadin Malti joħroġ jivvota jekk hux favur jew kontra…bħalma Gvern Nazzjonalsita kien għamel b’rabta mad-divorzju.

L-eks kandidat Laburista fakkar li l-Gvern tal-Labour m’għandu l-ebda mandat sabiex jimplimenta dak li qed jipproponi bħalissa u minkejja li għandu maġġoranza  sabiex jiggverna ma jfissirx li jista’ jilleġiżla li jrid u li jaqbillu.

Finalment huwa temm jgħid illi jittama li l-buonsens fl-aħħar se joħroġ rebbieħ sakemm jittieħed il-vot finali fil-Parlament.