Mara Niġerjana ġiet ikkundannata ħames snin u nofs ħabs wara li ammettiet quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja minflok għaddiet ġuri li fit-8 ta’ Jannar tal-2019 meta waslet minn Treviso l-Italja kellha fil-pusses tagħha madwar kilo droga cannabis. Hija ġiet ukoll immultata s-somma ta’ €23,000.
Inizzjalment meta nqabdet fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta hija qalet li kienet iltaqgħet ma’ persuna u qalilha biex tagħmillu pjaċir u żżommlu ħames pakketti li hija ħasbet li kienu jikkonsistu f’ħut imnixxef. Meta nqabdet bis-sustanza Abidemi Abigail Aborishade ta’ 40 sena, stqarret li waqt li kienet fl-Italja, raġel ta’ ġilda skura li ma kinitx taf min kien avviċinaha u talabha tagħmillu favur u żżommlu dawn il-pakketti li ħasbet li kienu jikkonsistu f’ħut imnixxfef.
Hija qalet li waqt li l-Uffiċjali tad-Dwana kienu qed ifittxulha fil-bagalji din il-persuna kienet magħha madankollu ma twaqqafx mill-Uffiċjali tad-Dwana u għadda mingħajr problemi. Wara mistoqsijiet mal-Uffiċjali tad-Dwana rriżulta li għalkemm kien hemm tabilħaqq persuna ta’ ġilda skura viċin l-akkużata malli ġiet mistoqsija speċifikament jekk din il-persuna kinitx magħha hija wieġbet fin-negattiv.
Analiżi tas-sustanza msemmija minn espert maħtur irriżulta li, kif issuspettat, is-sustanza li nstabet kienet tetrahhydrocannabinol li huwa kostitwent tal-pjanta cannabis. Il-piż totali tal-pjanta tal-cannabis misjuba kien ta’ kilogramma, b’purità ta ‘ madwar 6% u li jġorr valur totali fit-triq ta’ bejn €10,000 u €28,000.
Il-mara kienet għaddiet mill-‘blue channel’ tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta u bħala proċedura tas-soltu hija twaqqfet għal verifika minn Uffiċjali tad-Dwana. Il-bagalji ntbagħtu lill-magna tal- xray biex ikunu skennjati u wara eżaminazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana fetħu l-bagalji u sabu l-ħames pakketti suspettużi mgeżwra fil-plastik. Test fuq il-post kien wettaq istantanjament kien indika pożittiv għall-cannabis. Minħabba dan, l-Uffiċjal tad-Dwana ċempel lill-Pulizija biex jassistu f’din it-tfittxija.
Il-Qorti kkunsidrat il-fatt li Abidemi Abigail Aborishade kienet fil-passat mixlija f’Malta b’reat kriminali u misjuba ħatja u kundannata għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal sentejn. Din is-sentenza ngħatat mill- Qorti tal-Maġistrati (Malta) ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, fis-6 ta’ Frar 2017, liema sentenza saret definittiva. Hija kienet instabet ħatja li kellu fil-pusses tagħha passaport iffalsfikat.
Għaldaqstant il-Qorti Kriminali meta qieset kollox u li ammettiet l-akkużi kontriha fuq importazzjoni tad-droga cannabis meta ma kinitx fil-pussess ta’ an awtorizzazzjoni għall-importazzjoni maħruġa mill-Kap Mediku tal-Gvern, u meta ma kinitx liċenzjata jew awtorizzata li timmanifattura jew tforni l-mediċini msemmija, u ma kienx liċenzjata mill-President ta’ Malta jew awtorizzata mill-Kontroll Intern ta’ Drogi Perikolużi, liema droga nstabet taħt ċirkostanzi li jindikaw li ma kienx maħsub għal użu personali.
Hija ammettiet ukoll li kisret il-kundizzjonijiet li ma setgħetx tikkommetti reat ieħor waqt li jkun taħt perjodu operattiv ta’ a sentenza sospiża, u konsegwentement l-akkużata naqset milli tikkonforma mal-obbligu tagħha taħt dawn l-ordnijiet u tordna li din is-sentenza sospiża tidħol fis-seħħ immedjatament.
Għalhekk, il-Qorti Kriminali qalet li qed tikkundanna lin-Niġerjana għal terminu ta’ ħabs ta’ ħames snin u sitt xhur flimkien ma’ multa ta’ €23,000, liema multa fin-nuqqas ta’ ħlas tinbidel f’terminu ieħor ta’ priġunerija skont il-Liġi. Barra minn hekk, hija ġiet ikkundannaha tħallas is-somma ta’ €3,225 tal-spejjeż li saru fil-ħatra ta’ esperti tal-qorti.
Kienet ordnata wkoll l-konfiska favur il-Gvern tal-beni kollha involuti fl-imsemmija reati li tagħhom hija nstabet ħatja u oħrajn mobbli u immobbli proprjetà tal-imsemmija Abidemi Abigail Aborishade. Il-Qorti ordnat ukoll il-qerda tal-oġġetti kollha esebiti fil-Qorti, li jikkonsisti mid-drogi perikolużi jew oġġetti relatati mal-abbuż ta’ drogi, liema qerda għandha ssir mir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali.
Dan taħt is-superviżjoni diretta tad-Deputat Reġistratur ta’ l-istess Qorti li jkun marbut li jirrapporta bil-miktub lilha meta dik il-qerda tkun tlestiet, kemm-il darba l-Avukat General jippreżenta nota fi żmien 15-il jum li jiddikjara li l-imsemmija drogi huma meħtieġa bħala evidenza kontra terzi persuni.
//= $special ?>